Kunsilli Lokali Lokali

Votazzjoni dwar il-ħinijiet tal-monti ta’ Marsaxlokk

Mhux se naċċetta li niġi mhedded li ma jsirx il-proġett tar-riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk minħabba nuqqas ta’ qbil mal-Gvern dwar il-ħinijiet tal-monti.

Hekk stqarr is-Sindku ta’ Marsaxlokk Horace Gauci waqt konferenza li ta l-Kunsill tal-istess lokal. Tul din il-konferenza, is-Sindku ħabbar li l-kunsill se jkun qed jitlob lir-residenti sabiex jivvutaw dwar il-ħinijiet tal-monti ta’ nhar ta’ Ħadd.

Horace Gauci qal li dwar dan, f’Lulju tal-2015 il-Kunsill għamel stħarriġ fost il-bejjiegħa tal-Monti. L-istħarriġ kien sab li 82% tal-bejjiegħa li jarmaw fuq il-monti tal-Ħadd f’Marsaxlokk jaqblu li l-ħin tal-monti jiqsar u l-monti jżarma fit-3.00pm.
Bħalissa l-monti jżarma fis-6.00pm.

Is-Sindku tal-lokal qal li dwar din il-kwestjoni hemm qbil unanimu fost il-membri kollha tal-Kunsill. Hu qal li l-għan tal-bidla fil-ħinijiet tal-monti hi sabiex ix-xatt ta’ Marsaxlokk ikun jista’ jitgawda minn kulħadd.

Hu spjega li wara li jżarma l-monti jrid isir it-tindif. Dan ifisser li l-ħin li jkun jista’ jitgawda x-xatt nhar ta’ Ħadd huwa limitat ħafna.

Horace Gauci qal li huwa minnu li Marsaxlokk hu magħruf bħala r-raħal tas-sajjieda. Iżda x-xatt ta’ Marsaxlokk hu t-timbru tar-raħal u għaldaqstant irid isir dak kollu li jista sabiex jitgawda bl-aqwa mod possibbli.

Hu żied li fil-verità dak li qed jagħmel il-Kunsill ta’ Marsaxlokk jorbot eżatt mal-pjan tal-Gvern dwar is-swieq miftuħa.

Il-votazzjoni tar-residenti dwar din il-kwistjoni se ssir nhar is-Sibt 12 ta’ Jannar u se ssir fil-bini tal-Kunsill Lokali stess – f’dak li hafna qed iqisu bhala referendum tal-opinjoni pubblika.

Il-mistoqsija mistennija tkun “Taqbel li l-monti tal-Ħadd iżarma qabel it-3.00pm?”

Il-votazzjoni se ssir fil-preżenza ta’ awditur, counting agents, counting supervisors, u nutar pubbliku. Ir-riżultat imbagħad jiġi ppreżentat lill-Gvern.