Futbol Sport

Diego Maradona jiddaħħal l-isptar

Il-leġġenda tal-futbol Arġentin Diego Armando Maradona ddaħħal l-isptar ilbieraħ wara li t-tobba skoprew demm fl-istonku tiegħu. Maradona kien għaddej b’eżamijiet mediċi ta’ rutina f’pajjiżu qabel irritorna l-Messiku fejn hu kowċ, qabel it-tobba skoprew il-problema.

Il-gazzetta sportiva tal-Arġentina Ole qalet li l-eks Boca Juniors, Napoli u Barcelona li mexxa lill-pajjiżu għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja fl-1986, se jkun endoscopy fi klinika f’Olivos, lokal li jinsab fuq in-naħa ta’ barra tal-kapitali Arġentina Buenos Aires. Il-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa u l-isptar għadu ma għamel l-ebda stqarrija uffiċjali.

Din l-aħbar mhix sorpriża fil-konfront ta’ Maradona, hekk kif matul is-snin iddaħħal diversi drabi l-isptar, l-aktar minħabba l-istil ta’ ħajja li jgħix. L-aħħar li spiċċa ma jiflaħx kien fit-Tazza tad-Dinja tas-sajf li għadda fir-Russja, meta deher iħossu ħażin waqt il-logħba Arġentina v Niġerja.

Maradona li għandu 58 sena, kien iddaħħal l-isptar fl-2004 minħabba problemi respiratorji u f’qalbu b’rabta mal-użu tal-kokaina. Hu wara għadda minn rijabilitazzjoni tad-droga f’Kuba u l-Arġentina qabel operazzjoni sena wara li wasslet biex tilef il-piż.

Fl-2007 mar fi klinika f’Buenos Aires biex jingħata l-għajnuna u jegħleb il-problema tal-abbuż tal-alkoħol. Fl-aħħar xhur l-Arġentin saħansitra kien qed jimxi bil-krozzi minħabba problemi f’irkupptejh.

Din l-aħbar ftit mistennija waslet ftit sigħat biss wara li l-avukat ta’ Maradona kkonferma li se jkun qed jikkowċja fil-Messiku ma’ Dorados de Sinaloa għat-tieni staġun konsekuttiv. Maradona ħa t-tmexxija ta’ tim li kien qed ibati fit-Tieni Diviżjoni f’Settembru u wassalhom sal-play-offs fejn kienu megħluba minn Atletico San Luis. Dorados jilagħbu l-ewwel logħba tal-istaġun għada f’darhom kontra Celaya.