Futbol Sport

Diego Maradona joħroġ mill-isptar

L-Arġentin Diego Armando Maradona ħareġ mill-isptar wara li kien daħal il-Ġimgħa bi problema ta’ demm fl-istonku li sar magħruf f’eżamijiet ta’ rutina. It-tifla tiegħu Dalma kitbet fuq twitter biex tikkonferma li jinsab tajjeb wara tħassib fuq il-kundizzjoni ta’ missierha.

Sors qrib il-familja qal lil Reuters li l-problema ma kinitx serja u l-eks midfielder ta’ Boca Juniors, Napoli u Barcelona ma kienx fil-periklu li jitlef ħajtu. Sors ieħor qal li Maradona jista’ jkollu jagħmel aktar testijiet.

Din l-aħbar mhix sorpriża fil-konfront ta’ Maradona, hekk kif matul is-snin iddaħħal diversi drabi l-isptar, l-aktar minħabba l-istil ta’ ħajja li jgħix. L-aħħar li spiċċa ma jiflaħx kien fit-Tazza tad-Dinja tas-sajf li għadda fir-Russja, meta deher iħossu ħażin waqt il-logħba Arġentina v Niġerja.

Maradona li għandu 58 sena, kien iddaħħal l-isptar fl-2004 minħabba problemi respiratorji u f’qalbu b’rabta mal-użu tal-kokaina. Hu wara għadda minn rijabilitazzjoni tad-droga f’Kuba u l-Arġentina qabel operazzjoni sena wara li wasslet biex tilef il-piż.

Fl-2007 mar fi klinika f’Buenos Aires biex jingħata l-għajnuna u jegħleb il-problema tal-abbuż tal-alkoħol. Fl-aħħar xhur l-Arġentin saħansitra kien qed jimxi bil-krozzi minħabba problemi f’irkupptejh.

Din l-aħbar ftit mistennija waslet ftit sigħat biss wara li l-avukat ta’ Maradona kkonferma li se jkun qed jikkowċja fil-Messiku ma’ Dorados de Sinaloa għat-tieni staġun konsekuttiv. Maradona ħa t-tmexxija ta’ tim li kien qed ibati fit-Tieni Diviżjoni f’Settembru u wassalhom sal-play-offs fejn kienu megħluba minn Atletico San Luis. Dorados jilagħbu l-ewwel logħba tal-istaġun għada f’darhom kontra Celaya. Il-klabb qal li l-assistent Jose Maria Martinez se jmexxi t-tim sakemm jirritorna Maradona.