Sport Sport Ieħor

Fabio Spatafora se jikkompeti fil-Whelen Euro Series tan-NASCAR

Fabio Spatafora fil-Belġju s-sena l-oħra

Is-sewwieq professjonali Fabio Spatafora li jgħix f’pajjiżna, jinsab għaddej bil-preparazzjoni tiegħu biex jieħu sehem fin-NASCAR Whelen Euro Series fi tmien ċirkwiti madwar l-Ewropa din is-sena. Spatafora jtellaq b’liċenzja internazzjonali tal-kompetizzjoni li nħarġet mill-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport u għalhekk se jirappreżenta lil Malta f’dawn it-tiġrijiet internazzjonali.

It-tlielaq tan-NASCAR huma l-aktar tlielaq tal-karozzi popolari fl-Istati Uniti minħabba li minn barra l-karozzi jidhru qishom dawk li jinstaqu fit-triq, b’miljuni ta’ nies isegwuhom. Il-popolarità tagħhom issa kibret permezz tal-Pinty Series fil-Kanada, il-PEAK Series fil-Messiku u l-Whelen Euro Series fl-Ewropa.

L-ewwel żewġt itlielaq se jsiru f’Valencia fi Spanja fit-13 u l-14 ta’ April u fiċ-ċirkwit Autodromo di Franciacorta fl-Italja fil-11 u t-12- ta’ Mejju. Is-serje tkompli fl-1 u t-2 ta’ Ġunju fil-Brands Hatch Indy Circuit fir-Renju Unit u f’Autodrom Most fir-Repubblika Ċeka fid-29 u t-30 ta’ Ġunju.

Fit-13 u l-14 ta’ Lulju ssir it-tellieqa f’Raceway Venray filwaqt li l-play-offs li jkollhom punti doppji jsiru f’Hockenheim fil-Ġermanja fil-21 u t-22 ta’ Settembru. It-tlielaq finali jsiru f’Zolder fil-Belġju fil-5 u s-6 ta’ Ottubru. Din is-sena, Fabio Spatafora se jikkompeti fost l-oħrajn kontra l-eks sewwieq tal-Formula 1 Jacques Villeneuve.

Tags