Floriana rebħu ċ-Challenge Cup f’partita ta’ ħbiberija meta għelbu lil St. George’s 1-0. Il-gowl rebbieħ ġie skorjat mill-attakkant Thiago Galvao da Silva.
Din il-logħba saret fl-okkażjoni tal-125 sena mit-twaqqif ta’ Floriana u l-avversarji huma kienu proprju magħżula minħabba li St. George’s huma meqjusa bħala l-pijunieri tal-futbol Malta. It-tim minn Bormla hu l-ewwel klabb imwaqqaf f’pajjiżna fl-1890.
Għal din il-logħba, Floriana lagħbu bi flokk tal-okkażjoni b’kuluri ħodor u ħomor li jissimbolizzaw l-ewwel flokk lura fl-1894. St. George’s ukoll lagħbu bi flokk mhux tipiku tagħhom. Qabel il-partita iż-żewġ naħat preżentaw flokk tal-okkażjoni lil xulxin, bil-captain ta’ Floriana Clyde Borg ikun preżentat bit-trofew wara l-logħba.
Floriana bħalissa jinsabu fid-disa’ post fil-Kampjonat Premier bi 15-il punt wara l-ewwel rawnd. St. George’s fuq in-naħa l-oħra jinsabu fis-sitt post fil-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni, erba’ punti bogħod mill-quċċata f’kampjonat li f’dan l-istaġun qed ikun missielet.
Id-dħul tal-biljetti għal din il-partita mar għal Malta Community Chest Fund Foundation.
(Ritratti: Joseph Galea)
//= $special ?>