Lokali

Ikompli l-vjaġġ tas-Slaten Maġi

Is-Sibt Filgħodu kull min kien għaddej minn Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta seta’ jilmaħ lis-Slaten Maġi, dan għaliex il-pubbliku kellu ċ-ċans jiltaqa’ magħhom qabel ikomplu triqithom.

Wara, is-Slaten Maġi se jkunu fil-Palazz tal-President fejn wieħed ukoll jista’ jagħti donazzjoni f’risq il-Malta Community Chest Fund waqt li jsegwi re-anactment.

Net News dalgħodu tkellem ma’ Joanne De Brincat, il-persuna wara l-vestwarju u l-atturi ta’ din l-attivita fejn spjegatilna li l-għan ta’ attivita’ bħal din hu li terġa tibda tingħata l-importanza il-Festa tal-Epifanija minħabba li llum il-ġurnata m’għadiex daqshekk importanti fil-kalendarju tagħna l-Maltin.

Il-vjaġġ tal-Islaten Maġi jkompli fil-Ħamrun fejn ser ikunu qed iżuru presepju biswit il-Knisja ta’ San Franġisk umbagħad wara jerħulha lejn il-Mosta fejn ser ikunu qed jintlaqgħu mill-banda lokali.

L-islaten Maġi jisbħu l-Mosta il-Ħadd filgħodu sabiex imbagħad jerħulha lejn id-dar tal-anzjani tal-Mellieħa u wara fil-Pjazza tal-Mellieħa ssir reanactment tal-laqgħa ma’ Erodi.

Kmieni wara nofsinhar il-Ħadd il-vjaġġ tagħhom jilħaq il-qofol tiegħu, meta l-Maġi abbord il-vapur t’Għawdex jaqsmu lejn iċ-Ċirkewwa, biex fit-15:00 ssir id-daħla trijonfali f’Għajnsielem.