Ambjent Lokali

Ix-Xgħajrin kontra l-proġett tar-reklamazzjoni tal-art

Aktar minn 300 persuna jiffirmaw petizzjoni kontra l-progett mahsub fix-Xgħajra

Aktar minn 300 persuna ffirmaw il-petizzjoni miġbura mix-Xgħajrin kontra l-proġett maħsub ta’ reklamazzjoni tal-art fix-xtajta tax-Xgħajra.

Dawn ir-residenti qed jisħqu li dan il-post kwiet, assoċjat ukoll mal-villeġġjaturi fis-sajf, jinsab mhedded li jinqeridlu l-ambjent naturali tiegħu f’isem l-‘iżvilupp’ u rgħejba ta’ xi 4 minn nies. Il-petizzjoni tgħid li x-xtajta li tant titgawda mill-Maltin li jgħumu hemm u jgawdu l-veduti tal-baħar se tintradam taħt tunnellati ta’ blat biex tiġi żviluppata. Hu għalhekk l-appell tal-petizzjoni biex ix-Xgħajra tibqa’ mhix mittiefsa minn dan l-iżvilupp maħsub.

Diversi residenti tax-Xgħajra jinsabu urtati dwar dan il-proġett tant li ngħaqdu fi grupp fuq Facebook. F’email li ntbagħtet lis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis u saħansitra lill-Prim Ministru Joseph Muscat minn dawn ir-residenti, jingħad li din l-art se tkun qed issir biss għall-iżviluppaturi u mhux għal skopijiet li se jkunu qed jgħinu lil lokalità, bħal xi ġonna.

Dan hekk kif il-ġebel li se jkun qed jitneħħa mis-sit fejn mistennija ssir il-mina bejn Malta u Għawdex, se jkun qed jintefa’ f’dan l-istess xatt tax-Xgħajra. Il-proġett tal-mina mistenni li joħloq madwar miljun tunnellata ta’ skart tal-kostruzzjoni.

Proġetti simili iżda fuq skala iżgħar minn dak tax-Xgħajra qed jiġu kunsidrati f’lokalitajiet oħra madwar il-gżejjer Maltin.

Bosta residenti f’din il-petizzjoni lmentaw li f’qiegħ il-baħar fix-Xgħajra hemm medda kbira ta’ alka posidonia, li hija l-qofol tal-ħajja fil-qiegħ, li se tinqered bir-reklemazzjoni tal-art. Dan meta l-proġett tat-tisfija tad-dranaġġ fix-Xgħajra, li sar taħt Gvern Nazzjonalista, għen ukoll biex il-baħar hemm sar wieħed mill-aktar ibħra nodfa għall-għawm. Il-biża’ tar-resident Xgħajrin hija li dawn l-imkejjen siekta fil-kosta tal-lvant, bħal Forti Riklażli u l-medda art bejn ix-Xgħajra u ż-Żonqor, isiru aktar spekulattiva għall-iżviluppaturi u tinkiser il-ħemda ta’ dan l-ambjent naturali fix-Xgħajra.