Futbol Sport

L-ebda problemi għal Man Utd, Chelsea u Arsenal….Eliminati Cardiff u Huddersfield

Manchester United għaddew għar-rawnd li jmiss tal-FA Cup meta għelbu lil Reading 2-0. Din kienet il-ħames rebħa konsekuttiva għar-Red Devils minn meta Ole Gunnar Solskjaer ħa r-riedni tat-tim minflok José Mourinho. Juan Mata kiseb il-vantaġġ minn penalty wara konsultazzjoni mal-VAR fit-22 minuta. Reading ippruvaw jidħlu fil-logħba, b’Yiadom u Loader imorru qrib, iżda kienu United li rduppaw fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima meta Romelu Lukaku rċieva mingħand Sanchez biex idur mal-gowlkiper Jaakkola u jitfa fix-xibka għat-2-0.

Sadanittant, Chelsea, il-holders tal-FA Cup għaddew ukoll, għall-ispejjeż ta’ Nottingham Forest, bl-attakkant Alvaro Morata jiskorja ż-żewġ gowls fir-rebħa ta’ 2-0. Din il-logħba kienet probabbli l-aħħar waħda għal Cesc Fabregas bil-flokk ta’ Chelsea hekk kif hu mistenni li jingħaqad ma’ Monaco. Sfortunatament għalih kellu ċ-ċans li jiskorja iżda falla penalty.

Is-sorpriża tar-rawnd ipprovdewha Gillingham ta’ League One, li eliminaw lil Cardiff City tal-Premier League, 1-0, fil-Priestfield Stadium. Elliott List kien l-eroj għal dan il-klabb żgħir minn Kent meta, disa’ minuti mis-tmiem, għeleb lill-gowlkiper Smithies bil-kalma kollha għall-uniku gowl tal-logħba.

Sorpriża oħra li forsi ma ħallietx l-istess impatt, kienet ir-rebħa ta’ Accrington Stanley, ukoll ta’ League One, fuq Ipswich Town ta’ The Championship,  bl-uniku gowl tal-logħba jasal kwarta mit-tmiem, minn Billy Kee. Din kienet id-disa’ sena konsekuttiva li Ipswich (rebbieħa tat-tazza fil-passat) sofrew eliminazzjoni fit-tielet rawnd tal-kompetizzjoni.

Sadanittant, Burnley, li qegħdin jiġġieldu biex iżommu posthom fil-Premier League kellhom jitħabtu ħafna biex għelbu lil Barnsley 1-0 f’Turf Moor. It-Tykes iddefendew b’għaqal għal ħafna ħinijiet iżda kollox sfuma għalihom sekondi qabel tmiem il-logħba meta Lindsay waqqa’ lil Vydra fil-kaxxa u s-sostitut, Chris Wood, sammar ġewwa l-penalty għall-gowl ta’ kwalifikazzjoni.

West Ham United ikkwalifikaw, 2-0, għall-ispejjeż ta’ Birmingham ta’ The Championship, b’Samir Nasri jiddebutta għall-Hammers. L-ewwel gowl ta’ West Ham wasal minn Arnautovic wara ħames minuti, b’Andy Carroll jissiġilla r-rebħa fid-90 minuta.

Minkejja li kienu qed jilagħbu f’darhom, Bournemouth sfaw eliminati minn Brighton & Hove Albion, 1-3, bil-gowls tas-Seagulls jaslu minn Knockaert, Bissouma u Andona u b’Marc Pugh jikseb konsolazzjoni għaċ-Cherries. Everton eliminaw lil Lincoln City ta’ League Two, 2-1, b’gowls ta’ Lookman u Bernard fl-ewwel 14-il minuta, bl-Imps iwieġbu għaxar minuti wara minn Bostwick.

Intant, waħda mill-aktar logħbiet eċċitanti tar-rawnd kikenet bejn Derby County u Southampton (2-2) fejn is-Saints kisbu vantaġġ doppju minn Nathan Redmond ( fir-raba’ u t-48 minuta) u bir-Rams jagħmlu rimonta qawwija b’żewġ gowls skorjati minn Marriott u Lawrence bejn it-58 u l-61 minuta.

Arsenal, li rebħu l-FA Cup 13-il darba, eliminaw lil Blackpool 3-0 ta’ League One, bl-attakkant adolexxenti, Joe Willock, jiskorja darbtejn fir-rebħa, 3-0, fi Bloomfield Road. Filwaqt li l-Gunners ukoll niżlu għal din il-logħba mingħajr diversi plejers regolari, id-differenza fil-kwalità dehret ovvja, bil-gowl ieħor – wara d-doppjetta ta’ Willock (11,37) jasal tmien minuti mit-tmiem minn Alex Iwobi.

Crystal Palace kellhom jistennew sas-86 minuta għall-gowl ta’ kwalifikazzjoni kontra Grimsby Town ta’ League Town, b’Jordan Ayew jogħla biex jiskorja bir-ras fuq il-freekick ta’ Jeffrey Schlupp. Bristol City ta’ The Championship qed jiċċelebraw il-kwalifikazzjoni għall-ispejjeż ta’ Huddersfield Town, li jinsabu l-aħħar fil-Premier League. Dan meta Josh Brownhill, fit-72 minuta, għeleb lill gowlkiper Ben Hamer wara azzjoni personali, biex ikkundanna lit-Terriers għad-disa’ telfa konsekuttiva fil-kompetizzjonijiet kollha.

Il-konfront f’St James Park bejn Newcastle United u Blackburn Rovers kien missielet għall-aħħar, biż-żewġ timijiet ikollhom jikkuntentaw b’replay wara li Matt Ritchie salva r-riżultat għall-Geordies b’penalty skurjat fis-86 minuta. Rovers, li jinsabu f’nofs il-klassifika ta’ The Championship, kien jimmeritahom aħjar wara li kisbu l-vantaġġ minn Bradley Dack, li sab ix-xibka bir-ras fis-56 minuta fuq il-kross ta’ Elliott Bennett. Iżda fl-aħħarnett, il-pressjoni ta’ Newcastle swiet, bir-referee isaffar il-penalty għall-fawl fil-kaxxa fuq Perez u b’Ritchie isib ir-rokna tax-xibka mill-ħdax-il metru.