Kultura Lokali Mużika

L-istudenti Lasalljani jtellgħu l-ispettaklu ‘Lasallian Nights’

L-istudenti tas-6th. form tal-Kulleġġ ta’ De La Salle għal darb’oħra qed jorganizzaw l-ispettaklu ta’ Lasallian Nights.

B’tifkira ta’ 300 sena mill-mewt tal-qaddis patrun tal-għalliema, San Ġwann Battista De La Salle, il-Lasalljani ġewwa l-kulleġġ, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Lasallian Nights, għazlu t-tema tal-imħabba li se tkun qed tidher f’diversi forom, li tgħodd ukoll bħala simbolu għall-għaqda u l-imħabba bejn l-istudenti lasalljani. Barra minn hekk, l-ispettaklu huwa ambjenat fis-snin sittin.

L-ispettaklu ngħata l-isem ta’ Te Quiero, li tfisser ‘inħobbok’, bl-Ispanjol, fejn żewġ maħbubin huma l-protagonisti iżda minħabba ċirkostanzi esterni jispiċċaw jinfirdu minn xulxin. Minkejja x-xkiel kollu kontrihom, huma jżommu l-imħabba ta’ bejniethom ħajja permezz ta’ ittri li jibagħtu lil xulxin.

L-istudenti tal-kulleġġ ilhom jippreparaw għal dan l-ispettaklu minn Mejju li għadda. Il-Kunsill Studentesk ħoloq għadd ta’ kumitati li kienu ffukati fuq aspetti differenti tal-attività. Fost il-kumitati hemm dawk tal-irtokk, tal-media, taż-żfin, tal-mużika, tal-iskript, tal-backstage, tal-arti, tal-kostumi, kif ukoll diretturi għall-affarijiet tekniċi.

L-ispettaklu se jkun qed jittella’ fi tliet iljieli, mill-11 sat-13 ta’ Jannar ġewwa l-kulleġġ ta’ De La Salle fil-Birgu.