Sport Sport Ieħor

L-Iżvizzera tirbaħ it-Tazza Hopman għat-tielet darba

(Ritratt: EPA)

Roger Federer u Belinda Bencic rebħu t-Tazza Hopman għall-Iżvizzera għat-tieni sena konsekuttiva, hekk kif għelbu lil Alexander Zverev u Angelique Kerber tal-Ġermanja fil-logħba deċiżiva tal-mixed doubles.

Il-koppja Żvizzera kellha ssalva match point qabel ħadu s-set deċiżiv f’tie-break u spiċċaw rebħu 4-0, 1-4, 4-3. Federer u Bencic ma tilfux logħba fl-ewwel set qabel mal-Ġermaniżi wieġbu tajjeb biex rebħu t-tieni set mingħajr diffikultà.

Iżda l-esperjenza ta’ Federer flimkien ma’ Bencic kellha l-effett tagħha fis-set deċiżiv hekk kif żammew il-konċentrazzjoni u rebħu l-kompetizzjoni għat-tieni sena konsekuttiva. Din hi t-tielet darba li l-Iżvizzera kisbet it-Tazza Hopman, bil-Ġermanja terġa’ tispiċċa finalista.

Federer u Kerber kienu rebħu l-logħbiet individwali tagħhom fil-ftuħ tal-finali f’Perth. Federer li hu 20 darba rebbieħ ta’ Grand Slam għeleb mingħajr tbatija kbira lil Alexander Zverev 6-4, 6-2. Bencic pruvat tagħlaq il-finali qabel iżda Kerber kienet ġabet id-draw b’rebħa ta’ 6-4, 7-6.

Tags