Futbol Sport

Paul Fenech jirritorna ma’ Balzan

Srdjan Dimitrov segwit minn Paul Fenech (Ritratt: Domenic Aquilina)

Il-midfielder Paul Fenech irritorna uffiċjalment ma’ Balzan, nofs staġun biss wara li ħalla l-klabb biex ingħaqad ma’ Birkirkara. Matul din il-ġimgħa, ħarġet l-aħbar li Fenech seta’ jħalli lil Birkirkara u llum niżel għat-taħriġ wara li l-Ġimgħa ngħata permess li ma jinżilx għat-taħriġ mal-klabb.

Paul Fenech kien ingħaqad ma’ Birkirkara fis-sajf b’kuntratt ta’ tliet snin u kważi lagħab il-logħbiet kollha mal-Istripes fl-ewwel rawnd tal-istaġun, iżda naqas li jispikka kif għamel fis-snin preċedenti.

Fenech hu prodott ta’ Naxxar Lions u fis-sajf tal-2005 ingħaqad ma’ Msida st. Joseph. Hemm stabbilixxa ruħu fil-Kampjonat Premier u żewġ staġuni wara ngħaqad ma’ Birkirkara. Mal-Istripes Paul Fenech rebaħ l-unuri maġġuri kollha fosthom darbtejn il-Kampjonat Premier, darba l-FA Trophy, darba s-Super Cup kif ukoll darba l-Plejer tas-Sena fl-2013.

Fenech ingħaqad ma’ Balzan f’Jannar tal-2016 fejn kien parti integrali fit-tim li sfida għar-rebħ tal-kampjonat fl-aħħar staġuni. Hu sar it-tieni akkwist ta’ Balzan wara d-difensur mill-Bożnija Aleksandar Kosoric.