Sport Sport Ieħor

Sabalenka tirbaħ l-Open ta’ Shenzhen

Aryna Sabalenka preparat għall-Open tal-Awstralja bl-aħjar mod possibbli hekk kif rebħet il-finali tal-Open ta’ Shenzhen. B’hekk Sabalenka kompliet fuq is-sena pożittiva li kellha s-sena l-oħra, hekk kif wara t-titli ta’ Wuhan u New Haven, kisbet l-ewwel titlu tal-2019 b’rebħa ta’ 4-6, 7-6, 6-3 fuq Alison Riske.

Iż-żewġ tennisti kienu aktar qabel rebħu s-semifinali wara li x-xita ħarbtet l-iskeda tat-tournament, b’Sabalenka tegħleb lil Wang Yafan 6-2, 6-1 filwaqt li Riske rebħet l-ewwel seba’ logħbiet kontra Vera Zvonareva qabel ir-Russa rtirat minn li weġġgħet in-naħa xellugija ta’ ġenba. Fil-finali l-aggressività tat-tennista mill-Belarus kienet id-differenza prinċipali hekk kif dawret telfa f’rebħa.

“Li tibda l-istaġun b’titlu, jagħtik aktar fiduċja fik innifsek u nittama li nista’ mmur tajba fl-Open tal-Awstralja. Kienet ġurnata iebsa għalina speċjalment biex nirkupra wara l-ewwel set. Kuntenta ħafna li sibt mod kif nirbaħ,” qalet Sabalenka wara l-logħba.

L-Open tal-Awstralja f’Melbourne jibda t-Tnejn 14 ta’ Jannar.

Tags