Lokali

Tkompli l-mewġa ta’ kesħa fuq il-Gżejjer Maltin

Hekk kif bdejna s-sena b’temperaturi iktar kesħin mis-soltu, dalgħodu dawn it-temperaturi baxxi kkawżaw xita bis-silġ.

Però dan is-silġ ma tantx seta’ jdum jitgawda peress li beda jinħall ftit tal-ħin wara.

Il-lejl li għadda jista’ jitqies bħala l-iktar wieħed kiesaħ għal din ix-Xitwa.

L-uffiċċju meterjoloġiku qed ibassar ukoll riħ qawwi għall-ġurnata tal-lum. Ir-riħ mill-Majjistral it-Tramuntana se jkun qawwi fuq l-inħawi fejn l-iktar li jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sad-9 tal-lejla.

Għal dawn il-jumejn li ġejjin hu mbassar temp kiesaħ ukoll. Skont it-temp maħruġ mill-Uffiċċju Meterjoloġiku ta’ Malta t-temperatura għal-lum se tinħass 7 gradi, bl-inqas mistennija tkun ta’ 4 gradi. Illum ukoll mistennija wkoll xi ħalbiet tax-xita bis-silġ u bir-riħ.Għal għada mbagħad it-temperaturi mistennija jogħlew ftit bit-temp ikun b’ħalbiet tax-xita bir-riħ.

F’dawn il-ġranet l-awtortajiet tas-saħħa jappellaw sabiex f’dawn it-temperaturi kesħin l-anzjani jżommu ruħhom attivi, iżommu d-djar tagħhom sħan u jilbsu sew.

Fil-gżira Taljana ġara tagħna, Sqallija, għaddejja wkoll mewġa ta’ temperaturi kesħin fejn saħanistra hemm ammont kbir ta’ borra li f’ċerti każijiet laħħaq ukoll it-80 ċentimetru.

Diversi huma l-ilbliet milquta, partikolarment dawk fil-provinċja ta’ Messina, Catania u Enna. Ritratt li waslilna minn Valguarnera Caropepe, fil-provinċja ta’ Enna, juri xena xitwija tal-Knisja ta’ San Ġużepp u l-pjazza ta’ quddiemha miksija bil-borra.

It-temperaturi rreġistrati fi Sqallija juru kif f’ċerti nħawi, it-temperatura niżlet sa 5 gradi taħt iż-żero.

Dwar dan ħadna l-kummenti ta’ Calogero Leanza, sid ta’ Agrituriżmu f’Cesaro fil-provinċja ta’ Messina fi Sqallija. Hu spjegalna wkoll li t-temperaturi ilhom għal dawn l-aħħar tliet snin ma jkunu daqshekk baxxi. Calogero sostna li għalkemm joqgħod f’post mdawwar bis-sbuħija tal-muntanji u huma attrezzati għal kull eventawlità, in-natura taf tkun ukoll kiefra.

Intant f’rapporti madwar l-Ewropa, ġew imħassra madwar 90 titjira fl-ajruport ta’ Munich. Dan meta fi bnadi oħra tad-dinja għaddejjin minn mewġa kbira ta’ sħana bħal fl-Awstralja u New Zealand.

(Filmat: Mario Fenech, Ritratti: Joe Francalanza, Gertrude Borg Marks)