Sport

Alessandra Perilli u l-handball fl-ewwel programm Sport Extra tal-2019

Illum mis-6.05pm ‘l quddiem jixxandar it-13-il programm Sport Extra bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Charles Camenzuli. Għall-ewwel programm tal-2019 se tingħata l-importanza meħtieġa lit-tim nazzjonali Malti tal-handball bejn il-11 u t-13 ta’ Jannar li se jkunu fl-azzjoni fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat tal-Ewropa.

B’rabta mar-ritorn tat-tim nazzjonali fix-xena internazzjonali, se jixxandru intervisti li saru mal-kowċ nazzjonali Joe Tanti kif ukoll mal-President tal-Malta Handball Association Louis Borg.

It-tieni parti hi dedikata għas-suċċessi miksuba mit-tiratriċi Alessandra Perilli li dan l-aħħar kienet il-mistiedna tal-unur fl-MOC Sports Awards. Perilli rebħet il-midalja tad-deheb fl-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Mediterran f’Tarragona.

Il-muntaġġ tas-servizzi fil-programm sar minn Samira Cachia Spiteri filwaqt li l-filmati ttieħdu minn Joe Francalanza, Alfred Spiteri u Luke Zammit.