Barcelona ħadu vantaġġ miż-żelqiet tat-timijiet ta’ warajhom meta b’diffikultà għelbu barra minn darhom lil Getafe 2-1. Lionel Messi fetaħ l-iskor fl-20 minuta meta antiċipa ballun li deher kważi mitluf u fuq il-ġirja qabeż lill-gowlkiper biex skorja f’lasta vojta.
Luis Suarez irdoppja l-iskor fid-39 minuta b’xutt mill-ewwel minn barra l-kaxxa, iżda Getafe daħlu fil-logħba mill-ewwel b’gowl ta’ Jaime Mata. Barcelona naqsu li jagħlqu l-logħba fit-tieni taqsima, b’Getafe jkollhom ukoll iċ-ċans li jġibu d-draw.
Real Madrid sofrew is-sitt telfa fil-kampjonat meta fi Stadio Santiago Bernabeu sfaw megħluba minn Real Sociedad 2-0. Huma kellhom bidu mill-aqwa meta ngħataw penalty wara minuta u nofs għal fawl fil-kaxxa ta’ Casemiro fuq Mikel Merino. Mill-11-il metru Willian Jose għeleb lil Thibaut Courtois b’xutt ċentrali. Ruben Pardo għalaq il-logħba fit-83 minuta meta tħalla żmarkat fil-kaxxa u wara li rċieva kross min-nofs, għeleb lil Courtois b’daqqa ta’ ras.
Sevilla u Atletico Madrid ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 1-1 biex il-Madrileni baqgħu fit-tieni post. Kienu Sevilla li fetħu l-iskor fis-37 minuta meta minn kross mil-lemin ta’ Jesus Navas, Daniel Carrico mattar siequ bil-ballun jispiċċa għand l-iżmarkat Wissam Ben Yedder li mill-viċin għeleb lil Oblak. Atletico Madrid ġabu d-draw qabel tmiem l-ewwel taqsima bi free-kick preċiż ta’ Antoine Griezmann minn pożizzjoni ċentrali.
Riżultati: Eibar v Villarreal 0-0 , Sevilla v A. Madrid 1-1, R. Madrid v R. Sociedad 0-2, Getafe v Barcelona 1-2
//= $special ?>