Lokali

Fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar f’Għajnsielem

Anzjan ta’ 68 sena residenti Birżebbuġa jinsab fil-periklu tal-mewt wara li safa milqut minn vettura fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem.

Għall-ħabta tas-6.10pm il-pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha. Jidher li l-anzjan ta’ 68 sena ġie milqut minn vettura tat-tip Land Rover Freelander misjuqa minn Ġermaniża ta’ 51 sena residenti Għajnsielem.

Fuq il-post issejħet amblanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura serja.

Bil-każ ġiet infurmatha l-Maġistrat tal-Għassa u ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.