Is-Slaten Maġi jgħallmuna l-mod ta’ kif għandna nġibu ruħna ma’ Alla – biex inqimuh bħala Sultan u bħala Alla, għalkemm hu Bniedem bħalna.
Dan kien il-qofol tal-messaġġ li wassal l-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-Omelija waqt il-Quddiesa tal-Epifanija, li ċċelebra fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Il-Kap tal-Knisja f’Malta tkellem dwar kif ix-xewqa tas-Slaten Maġi kienet li difficli kemm kienet difficli jfittxu lit-Tarbija, meta sabuh qimuha u tawha r-rigali tagħhom.
Spjega s-sinifikat tar-rigali li t-tliet Slaten Maġi taw lil Ġesù – id-Deheb bħala qima lil Ġesu Sultan, l-Inċens bħala qima lil Ġesù Alla u l-Mirra li tfakkarna li Ġesù hu bniedem.
Qal ukoll li waqt li nfittxu lill-Mulej, irridu nitolbuh il-grazzja li jgħarrafna lilu nnifsu ma’ kull persuna li niltaqgħu magħha.
Matul iċ-ċelebrazzjoni, l-Arcisqof laqa’ wkoll lil erba’ Seminaristi bħala Kandidati għas-Saċerdozju: Roderick Baldacchino u Jean Claude Schembri mill-Parroċċa ta’ Santa Katarina, iż-Żejtun; Joshua Cortis mill-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun; u Tony Pace mill-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi.
Bħala Arċisqof, hu qal li dawn is-Seminaristi ġew milqugħa mill-Knisja bħala rigali li qed iwasslilha l-Mulej permezz tal-ġenituri tagħhom.
Qal li bħalna, dawn qed ikantaw l-għanja li bl-offerta fqajra tagħhom, m’għandhom xejn u għalhekk kienu qed joffru lilhom infushom.
Sadanittant, waqt din il-Quddiesa tħabbru l-Festi tal-Mulej għal din is-sena. Fis-6 ta’ Marzu nagħtu bidu għar-Randan Imqaddes, filwaqt li fil-21 ta’ April niċċelebraw il-Qawmien ta’ Kristu mill-Mewt. Fit-2 ta’ Ġunju jkun iċċelebrat it-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema u fid-9 ta’ Ġunju meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-Appostli, bl-Avvent jibda fl-1 ta’ Diċembru.
//= $special ?>
