Internazzjonali

Il-Brażil: Mijiet ta’ truppi għaż-żamma tal-ordni f’Fortaleza

L-awtoritajiet Brażiljani bagħtu talanqas 300 suldat lejn Fortaleza bil-għan li jikkontrollaw l-ispinta tal-vjolenza kriminali f’din il-belt, lejn il-grigal tal-pajjiż.

It-truppi għandhom jieħdu ħsieb ir-ronda f’Fortaleza u bnadi oħra tal-Istat ta’ Ceara, bil-għan li ma jsirux aktar attakki fuq il-ħwienet, banek, vetturi għat-trasport pubbliku u stabbilimenti oħra.

Il-Ministeru Brażiljan għall-Ġustizzja ddeċieda dwar din il-miżura ‘għall-istazzjonar speċjali (tat-truppi)’ wara li seħħew għexieren ta’ attakki matul il-ġimgħa li għaddiet.

L-attakki qed isiru bi protesta kontra miżuri ġodda (u aktar ibsin) għall-ħabsijiet lokali, meta dawk il-kumplessi, fil-parti kbira, huma kontrollati mill-gruppi tal-kriminali.

L-istazzjonar ġdid tas-suldati fl-Istat ta’ Ceara qed isir ukoll ftit jiem wara l-inawgurazzjoni tal-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, li kien elett fuq mandat biex ‘jiġġieled akkost ta’ kollox kontra l-kriminalità rampanti fil-pajjiż’.

Sadanittant, Bolsonaro faħħar id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja, Sergio Moro, biex jintbagħtu t-truppi lejn Fortaleza bħala ‘waħda determinata, xierqa u effettiva’.