F’ċerimonja fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, ingħataw diversi ċertifikati ta’ mertu u rikonoxximent lil numru ta’ Pulizija li ddistingwew ruħhom fis-sena 2018. Dawn iċ-ċertifikati ilhom jingħataw lill-membri tal-Korp għal dawn l-aħħar 13-il sena.
Fost dawn l-unuri, ingħata premju lill-Kuntistabbli Simon Schembri, li s-sena li għaddiet kien qiegħed f’xifer il-mewt wara li kien involut f’inċident waqt li kien qed jaqdi dmiru. Fost iċ-ċapċip u stading ovation minn dawk preżenti, il-Kuntistabbli Schembri rċieva l-unur tal-uffiċjal tas-sena.
Fil-bidu taċ-ċerimonja ġew imfakkra dawk il-membri tal-Korp li ħallew din id-dinja.
F’din l-istess ċerimonja annwali ta’ rikonoxximent tal-Pulizjia, ingħata x-shield lill-aktar distrett tal-Pulizija li rnexxielu jnaqqas il-kriminalita’ għas-sena 2018, fejn din is-sena ntrebaħ mill-ewwel distrett, li jinkludi fih il-lokalità tal-Belt Valletta u l-Floriana. Dan id-distrett naqqas il-kriminalità bi 23% mis-sena ta’ qabel.
Ingħataw ukoll ċertifikati lill-membri tal-Pulizija li ddistingwew ruħhom fosthom f’episodji fejn salvaw il-ħajjet tan-nies jew ma ħallewx azzjoni kriminali sseħħ minkejja li ma kinux qegħdin waqt il-ħin tax-xogħol.
Aktar tard, ingħata rikonoxximent ukoll lil numru kbir ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li waqqfu mis-servizz wara 25 sena jservu.
//= $special ?>