Lokali Qorti

Jinżamm arrestat il-Libjan li ħarab waqt li kien fil-kustodja tal-Pulizija

Għal ħabta ta’ nofsinhar tressaq il-Qorti l-Libjan li nhar il-Ġimgħa ħarab mill-kustodja tal-Pulizija waqt li kien fl-għassa ta’ Ħal Qormi.

Abdulsalam Ben Hamed ta’ 45 sena ġie arrestat ftit iktar minn 24 siegħa wara li ħarab. Huwa nqabad ilbieraħ mill-pulizija fil-Park and Ride ta’ Ħal Qormi.

Il-Libjan residenti Bormla, kien akkużat li nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Diċembru seraq vettura, kif ukoll li nhar il-Ġimgħa li għadda ħarab mill-kustodja ta’ kuntistabbli tal-Pulizija waqt li kien immanettjat.

Hu kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti meta kien ingħata l-libertà proviżorja f’Ottubru li għadda b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000.

Abdulsalam Ben Hamed ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.