Il-Kap tal-Istaff tad-Dipartiment tad-Difiża, Kevin Sweeney, sar it-tielet uffiċjal ewlieni tal-Pentagon li kkonferma r-riżenja tiegħu mindu l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħabbar li l-qawwiet Amerikani għandhom jitilqu mis-Sirja.
Ir-riżenja tħabbret xahar wara li James Mattis qal li kien qed jirriżenja minn Segretarju tad-Difiża Amerikan. Intant, Sweeney – li għandu l-grad ta’ Real Admiral u li kien ilu Kap tal-Istaff tal-Pentagon minn Jannar tal-2017 – sostna, fi stqarrija, li ‘iż-żmien hu ideali għalih biex jirritorna fis-settur privat’.
Fl-ittra ta’ riżenja, Sweeney qal li kien ‘unur għalih li jservi mal-kollegi fid-Dipartiment’ iżda ma semma xejn dwar Trump.
Filwaqt li għad ma hemmx programm fiss għall-irtirar tat-truppi Amerikani mis-Sirja, it-tluq ta’ Sweeney qed ikompli jżid mas-sens tal-inċertezza dwar il-politika tal-Gvern ta’ Trump dwar aspetti tad-difiża u tal-affarijiet barranin. Dan meta s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, se jibda żjara ta’ ġimgħa fil-Lvant Nofsani bil-għan li jserraħ ras l-alleati ta’ Washington dwar il-politika ta’ pajjiżu.
Caption B – Kevin Sweeney
//= $special ?>

