Lokali

Mitt miljun ewro f’konsulenzi għall-ħbieb

Minn Ġunju 2017 sa Ġunju 2018 – il-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat ħareġ ċirka €20 miljun fi ħlasijiet għall-għadd ta’ konsulenti li għandu f’Kastilja, ma’ ministeri u ma’ entitajiet oħrajn li jaqgħu taħt il-kappa tal-Gvern.

Bir-rankatura li miexi biha l-Gvern ta’ tberbiq u ħela ta’ flus, din in-nefqa fuq livell ta’ leġiżlatura sħiħa mistennija titla’ għal €100 miljun.

Minn investigazzjonijiet li għamel il-mument dwar dan, irriżulta li fuq medda tal-leġiżlatura l-oħra u l-ewwel sena ta’ din il-leġiżlatura – jiġifieri f’ħames snin biss bejn Marzu tal-2013 u Ġunju tal-2018 – irriżulta li xi membri fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat sa waslu biex nefqu kważi €500,000 (nofs miljun ewro) f’safar weħedhom.

Eżempju dwar dan hu fir-rigward tal-Ministru Chris Cardona li bejn Marzu tal-2013 u Ġunju li għadda jirriżulta li sewa lil pajjiżna xejn inqas minn kważi nofs miljun ewro.

Il-Ministru Chris Cardona f’dan il-perjodu nefaq is-somma totali ta’ €466,686 f’aktar minn mitt safra li għamel lil hinn minn pajjiżna… fosthom il-famuża safra f’Dusseldorf il-Ġermanja fejn kienet inqalgħet il-polemika dwar il-burdell ‘Acapulco’.

Fl-2012 – is-sena sħiħa mmexxija minn Gvern Nazzjonalista – in-nefqa f’pagi u f’salarji mill-Gvern kienet tammonta għal €612-il miljun.

Sena wara l-oħra din iċ-ċifra baqgħet togħla hekk:
2012: €612 miljun
2013: €654 miljun
2014: €704 miljun
2015: €742 miljun
2016: €782 miljun
2017: €828 miljun
2018: (Revised) €901 miljun (Estimi kien €849 miljun, jiġifieri €52 miljun żmerċ)
2019: (Estimi) €961 miljun

Mill-istħarriġ li għamel il-mument irriżulta wkoll li safra partikulari waħda biss li għamel il-Ministru Cardona u li ġiet tiswa ħafna, kienet dik li għamel f’Diċembru 2013 – jiġifieri fil-leġiżlatura l-oħra, meta l-Ministru għall-Ekonomija kien ħareġ eluf kbar ta’ ewro biex delegazzjoni mmexxija mill-Ministru Cardona kienet marret Bali, l-Indoneżja, għall-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO).

Il-kontinġent Malti mmexxi mill-Ministru Chris Cardona kien mar Bali bejn it-30 ta’ Novembru u t-8 ta’ Diċembru 2013 u bħala parti minn dik id-delegazzjoni kien hemm ukoll l-assistent personali tiegħu, is-segretarju permanenti, il-koordinatur għall-komunikazzjoni u s-senior manager.

Il-lista ta’ safriet li eċċedew l-€10,000 mill-Ministru Chris Cardona fil-ħames snin li għaddew, tinkludi dik li għamel fil-Ġermanja għal żjara statali fl-2014; safra oħra meta mexxa delegazzjoni kummerċjali fil-Lvant Nofsani ftit wara, u safra oħra fil-Lvant Nofsani fl-istess sena.

Barra minn hekk, fl-2015 kien hemm delegazzjoni li marret iċ-Ċina, delegazzjoni l-Oman u l-laqgħat f’Monaco u f’Dubaj. Fl-2017 kien hemm safriet oħrajn għal Dubaj u Bueos Aires l-Arġentina.

Iżda lura għall-bosta konsulenti li għandu l-Gvern f’Kastilja u lil hinn, jirriżulta li bosta minnhom qed jingħataw dan ir-rwol għas-sempliċi raġuni li:

• jew biex jinżammu ħalqhom magħluqa milli jikkritikaw lill-Gvern kif qabel kienu jagħmlu bl-aktar mod apert;

• jew biex il-Gvern iħallashom għall-fatt li huma militanti fi ħdanu – ċioè fil-Partit Laburista billi jagħtihom għadd ta’ eluf żejda kull sena direttament fil-but;

• jew għaliex kieku ma kinux jikkontestaw l-elezzjoni għal paga parlamentari ta’ back bencher;

• jew lil oħrajn li qed jimpalaw flejjes kbar għal kull siegħa xogħol li suppost jagħmlu;

• u oħrajn li ġenwinament huma ta’ rwol importanti għaċ-Ċivil.

Dan it-tberbiq kollu qed jikkontrasta bil-kbir maż-żieda miżera ta’ €2.33 lill-ħaddiem u lill-pensjonanti. Ir-raġunar ta’ bosta hu: kif jista’ jkun li l-ftit jimpalaw il-miljuni u l-ħafna – l-aktar dawk vulnerabbli u f’sitwazzjonijiet diffiċli – qed jingħataw il-loqom?

Dan hu kuntrast li qed ikompli joħroġ fil-beraħ bil-fatt li filwaqt li hawn min qiegħed jgħix ħajja ta’ sinjurun u l-life style tiegħu tikxfu dwar dan, ħafna eluf ta’ Maltin qed ikollhom jaħbu l-istat ta’ faqar jew jinsabu fih jew fix-xifer li jaqa’ fih. Jirriżulta li kiber sew il-fenomenu ta’ familji li biex iżommu mal-pass ta’ sħabhom jew familjari tagħhom qed jisselfu permezz ta’ credit cards u over-drafts u saħansitra self fuq l-idejn b’imgħax kbir.

Din il-gazzetta fil-jiem li għaddew kellha l-okkażjoni ripetuta li tiltaqa’ man-nies fit-toroq u fil-pjazez u kienu ħafna dawk li stqarrew li biex jgħixu sal-aħħar tax-xahar qiegħed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna diffikultajiet serji… aktar u aktar bil-ħajja togħla l-ħin kollu, bil-kirjiet jisplodu ‘l fuq u mbagħad meta dak li jkun ikollu bżonn li jixtri l-mediċini… allura l-ħajja ssir aktar u aktar iebsa u impossibbli.

Mill-investigazzjonijiet li għamel il-mument jirriżulta li sa mill-infiq fil-pagi u fis-salarji mill-Gvern l-affarijiet juru li xejn ma huma mexjin tajjeb.

Jirriżulta wkoll li f’seba’ snin in-nefqa f’pagi u salarji fis-Settur Pubbliku se tkun telgħet minn €612-il miljun għal €961 miljun – b’iktar minn 50 fil-mija. Dan qed iseħħ ukoll minkejja li kull sena jirtiraw numru ta’ persuni minn mal-Gvern u jibdew jieħdu l-pensjoni. Jiġifieri, iż-żieda fis-salarji mhux biss qed tiżboq dawk li qed jirtiraw iżda qed tkun ferm ogħla.

Kif qal tajjeb il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u Kap Nazzjonalista Adrian Delia fid-diskors bi tweġiba għall-Baġit, ‘kieku dawn il-miljuni marru fuq l-għalliema, l-infermieri, il-professjonisti li huma nieqsa mis-Settur Pubbliku u fuq setturi oħrajn, kieku nserrħu rasna. Jirriżulta li ħafna minn dawn il-flejjes tal-poplu qed imorru fuq pagi mhux produttivi, partikolarment il-konsulenzi esaġerati li kull xahar dejjem jiżdiedu. Din hi ħela li qed inħallsu għaliha aħna!’

Miljuni x’jaħli f’pagi u salarji u konsulenzi dan il-Gvern għandu iżda għal setturi oħrajn ta’ importanza għall-poplu ma kellux.

• Għas-settur tas-saħħa m’għandux. Dan il-Gvern mhux talli ma bena ebda sptar ġdid iżda biegħ dawk li kellna: l-Isptar San Luqa; l-Isptar Karen Grech u l-Isptar ta’ Għawdex. Lil min biegħhom qalagħlu l-miljuni. Ara l-Gvern Nazzjonalista bena l-Isptar Mater Dei – sptar state of the art, bena l-isptar tal-Onkoloġija, sptar ieħor state of the art, saħħaħ l-isptarijiet kollha li kellu l-pajjiż. Dan il-Gvern tal-lum biegħ dak li kellna.

• Għas-settur tal-edukazzjoni dan il-Gvern ma għamel xejn ħlief iġġieled mal-għalliema billi ried joħdilhom dak li kisbu b’tant sagrifiċċji. Ebda skola ġdida. Il-Gvern Nazzjonalista kien jibni skola ġdida kull sena.

• Għall-Għawdxin u għal Għawdex fejn il-Gvern ma għamel assolutament xejn għajr li issa, fil-Baġit ta’ din is-sena, saħansitra nesa lil Għawdex li għandu bżonnijiet kbar.
U dan id-diskors prattikament japplika għal kull Ministeru u dekasteru li finalment jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru.