Lokali

Muscat iwitti t-triq għat-tellieqa tal-Leadership

“Il-bidla ġġib magħha riformi … għax dan hu Gvern tal-bidla”. Frażi tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat, li qed titqies bħala s-sinjal mingħandu li mistenni jħalli t-tmexxija tal-Partit.

Waqt l-ewwel intervent pubbliku tas-sena fuq l-istazzon tar-radju tal-Partit Laburista, ingħatat ħafna importanza lejn l-idea tal-bidla u kif din tista’ tħalli l-ġid.

Iżda fil-verità, hu ċar li Muscat qed iwitti t-triq għall-bidliet li mistennija jolqtu lill-partit li jmexxi ladarba hu jħalli t-tmexxija. Dan meta wieħed qed jistenna li esponenti tal-Partit Laburista jinqasmu bejn id-diversi Kandidati f’din il-ġlieda politika.

L-aktar Kandidati li qed jissemmew biex jieħdu post Muscat huma d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, kif ukoll il-Membru Parlamentari EwropewMiriam Dalli.

Din hi l-favurita ta’ Muscat u sħabu f’Kastilja, li ma tantx iridu taqlib halli jzommu s-sahha li ghandhom fit-tmexxija. Mhux l-istess għal Chris Fearne, li kemm-il darba ddikjara ruħu kontra d-diversi skandli li ħarġu fl-aħħar snin.

Il-ġlieda għat-tmexxija Laburista ġabet ukoll qasma fl-ideat fost l-elettorat, hekk kif stħarriġ tal-gazzetta MaltaToday wera kif 44.2 fil-mija tal-poplu jemmen li Muscat mhux se jkun qed jirriżenja fl-2019. Dan għall-kuntrarju ta’ 20.7 fil-mija li qalu li jaħsbu li l-Mexxej Laburista se jirriżenja u 35.1 fil-mija li qalu li ma jafux.

Fost dawk li qalu li vvutaw lill-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, 50.5 fil-mija qalu li Muscat mhux se jirriżenja matul din is-sena, bi 19.7 fil-mija biss qalu li jaħsbu li se jirriżenja.

Min-naħa l-oħra, fost dawk li qalu li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista, 33.4 fil-mija qalu li ma jaħsbux li Muscat se jirriżenja, filwaqt li 23.9 fil-mija qalu li jaħsbu li jwarrab.

Sadanittant, waqt l-intervent telefoniku tiegħu, Muscat irrefera wkoll għall-bidliet li l-Gvern tiegħu għamel fil-qasam ambjentali. Dwar dan, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li meta ftaħar b’dawn il-bidliet, Muscat naqas milli jgħid li taħt Gvern Laburista, pajjiżna għandu r-raba’ l-agħar kwalità tal-arja fl-Ewropa.

Il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat naqas ukoll milli jgħid li taħt Gvern Laburista, pajjiżna jinsab fl-aħħar post fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea fir-riċiklaġġ tal-iskart.

Issa li jinsab fit-tieni leġislatura, il-poplu qed jistenna li l-Prim Ministru jieqaf jiftaħar bil-bidliet li l-istatistika qed turi li poġġewna mal-agħar fl-Ewropa, temmet tgħid l-istqarrija.