Formula 1 Sport

Niki Lauda rikoverat fl-isptar ta’ Vienna

Is-sena 2019 jidher li ma bdietx fuq nota pożittiva għal Niki Lauda hekk kif skont il-media fl-Awstrija, il-President tat-tim tal-Formula 1 Mercedes, jinsab rikoverat fl-isptar ta’ Vienna kawża ta’ influwenza gravi fi żmien il-festi. Lauda jinsab fil-kura intensiva fl-isptar Allgemeinen Krankenhaus.

It-tliet darbiet rebbieħ tal-kampjonat tal-Formula 1 kien ħareġ mill-isptar f’Ottubru li għadda wara tliet xhur minħabba trapjant tal-pulmun. Hu għadda l-Milied mal-familja fid-dar tiegħu f’Ibiża.

Il-ġurnal Awstrijak Kronen Zeitung irrapporta li t-tobba taw parir lil Lauda biex jirritorna fl-Awstrija biex jevita li jdgħajjef is-sistema immunitarja tiegħu wara l-intervent delikat fis-sajf li għadda tat-trapjant fil-pulmun.

Kelliem għall-isptar fi Vienna kkonferma mal-istazzjon ORF li l-eks sewwieq tal-Ferrari li x-xahar id-dieħel jagħaq 70 sena, qed jieħu l-kura iżda mistenni joħroġ mill-isptar fil-jiem li ġejjin.