Lokali

Occupy Justice investigati mill-Kummissarju tal-Volontarjat

Sorsi infurmati qalu lil il-mument li l-Kummissarju tal-Għaqdiet tal-Volontarjat, Anthony Abela Medici, qed jinvestiga l-grupp Occupy Justice biex jistabbilixxi għaliex għaqda li tgħid li hi volontarja iżda li mhix reġistrata uffiċjalment, qed tiġbor somom kbar ta’ eluf ta’ ewro f’donazzjonijiet u x’qed isir b’dawn il-flus.

Nifhmu li dak li jrid jistabbilixxi l-Kummissarju Abela Medici hu trasparenza fl-operat ta’ din l-għaqda kif ukoll għaliex din mhix tagħmel pubbliċi l-kontijiet tagħha.

Kien fil-jiem li għaddew li xi ħadd li uża l-isem ta’ Erika Mizzi, iċċirkola email li fiha żvelat dettalji sensittivi għall-aħħar mill-qalba ta’ Occupy Justice li titmexxa mill-mara tal-blogger Manuel Delia.

Il-persuna qalet li hi eks attivista ta’ Occupy Justice, li oriġinarjament kienet twaqqfet bħala Grupp biex jeħodha kontra l-korruzzjoni u favur il-governanza t-tajba. Dan kollu invista tal-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.

Din il-persuna iżda tgħid li hi rriżenjat minn ħdan l-Occupy Justice fid-dawl – skont hi – ta’ numru ta’ irregolaritajiet li seħħew fi ħdan l-istess Grupp matul l-aħħar għaxar xhur.

“I resigned and left Occupy Justice because during the last year I have been asked to collect donations which are illegal in social events, online chats and during vigils by members of the core group of Occupy Justice even though I had pointed out that’s it’s illegal to ask for donations under Maltese law without a Police permit or being a registered NGO and they informed us that accounts would be published if we helped out.”

Dan wassal biex numru ta’ ġurnali u siti elettroniċi jibdew iqajmu numru ta’ mistoqsijiet dwar ċerti operati li seħħew fl-aħħar xhur, fosthom dwar ġbir ta’ flus minn fost persuni li attendew attivitajiet organizzati minn Occupy Justice.

Iżda waqt li fi stqarrija Occupy Justice qalu li ma jafux min hi l-persuna li kitbet l-email, huma irrifjutaw li jagħtu rendikont tal-attività finanzjarja tagħhom, ħaġa li issa se jkollhom jagħmlu peress li qed jiġu investigati mill-Kummissarju Abela Medici.

Fost dawn hemm il-mistoqsija għal xiex Occupy Justice ma hix reġistrata bħala xi organizzazzjoni mhux governattiva meta hi organizazzjoni li qed tiġbor id-donazzjonijiet.

Il-Kummissarju Abela Medici se jkollu jitlob rendikont ta’ x’qed isir mill-flus miġbura u għaliex il-persuni li huma l-moħħ wara dan il-ġbir ta’ fondi ma jħossux li għandhom jagħtu rendikont finanzjarju biex hekk kollox isir b’mod trasparenti u min jagħti l-flus ikollu rasu mistrieħa fejn sejrin il-flus u fiex qed jintefqu.

Fl-email ta’ Erika Mizzi jintqal li l-istess persuni indikati minnha kienu wiegħdu li se jkunu pubblikati rendikonti dwar il-flus miġbura. Din il-wiegħda ngħatat biss meta xi ħadd staqsa dwar x’qed jiġri mill-flus miġbura wkoll b’mod regolari u allura ta’ kuljum.

Kien imwiegħed li dan ir-rendikont kellu jkun pubblikat fi żmien tliet xhur. Dan ma ġarax la fuq livell privat u anqas fuq livell pubbliku bir-riżultat li dawk kollha li taw xi donazzjonijiet għadhom sal-lum ma jafux kif qed jintefqu l-flus li qed iddaħħal Occupy Justice.

Skont din il-korrispondenza, id-donazzjonijiet lil Occupy Justice qed jidħlu b’mod regolari u f’termini ta’ flus kontanti. Occupy Justice qed iddaħħal ċirka ta’ €5,000/€6,000 kull xahar iżda rendikont ta’ x’qed isir minn dawn il-flus ma hu jingħata mkien. Dan ma ġiex miċħud minn Occupy Justice.

Fl-email li ġiet ċirkolata u li l-midja kollha irrappurtat intqal li: “The Maltese law is quite explicit regarding donations and that it is only registered NGOs who publish there accounts publicly are allowed to collect donations publicly and privately.”

Nifhmu li ffaċċjat b’din id-dikjarazzjoni, il-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontiera ma setax ma jagħmel xejn u ma jinvestigax lil Occupy Justice.

L-email tkompli tallega li: “This NGO is supposedly fighting anti corruption and rule of law and issues whilst at the same time breaking Maltese and European law.

“Shouldn’t somebody hold them to account when they have collected over €50,000 during the last 14 months without being accountable and without any expenses being justified?

Waqt li fl-email isiru allegazzjonijiet oħra ta’ natura personali li il-mument mhux lesta tippubblika, jitqal ukoll: “Has a bank account been created? When will the accounts and a list of the expenses be presented?

Sadattant, kien il-mument tal-Ħadd li għadda li kompla jiżvela kif f’Kastilja qed jissoktaw it-tħejjijiet għad-dħul tal-abort f’pajjiżna. Fl-istess ħarġa tal-Ħadd li għadda din il-gazzetta żvelat ukoll kif f’dawn il-jiem bdew ifeġġu wkoll elementi fi ħdan Occupy Justice li qed jiddikjaraw li anki huma huma favur l-abort.

Din l-aħbar darset ħafna lill-istess Occupy Justice li minflok ma ċaħduha qalu biss li bħala organizzazzjoni mhux beħsiebhom jidħlu fil-kwestjoni tal-abort. Segwaċi tal-istess organizzazzjoni nfexxew jattakkaw lil ġurnalisti ta’ il-mument waqt li ħarrxu d-doża ta’ attakki fir-rigward tal-Partit Nazzjonalista, b’mod partikulari fir-rigward tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia li dwar l-abort baqgħu jsostnu li mhux se jbiddlu l-prinċipju li jiddefendu l-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem.