Lokali

Se jikber il-faqar, se jiżdiedu l-vulnerabbli u se tkompli titnaqqar il-middle-class

Il-Gvern qiegħed jonqos milli jindirizza kwistjonijiet serji li l-pajjiż għandu quddiemu.

Il-politika tal-Gvern li jippjana mil-lum għall-għada u skont l-esiġenzi immedjati mhix taħseb għal dawk fil-periklu tal-faqar, għall-bżonnijiet tal-vulnerabbli u għall-faxxa tal-middle-class li bil-miżuri tal-Gvern, sena wara oħra, qiegħda tkompli titnaqqar.

Fl-aħħar snin f’pajjiżna rajna jgħolli rasu l-fenomenu tal-faqar. Bdejna għall-ewwel darba naraw nies jorqdu barra. Nies li ma jkollhomx saqaf fejn ipoġġu rashom.

Illum dan il-fenomenu, għalkemm dejjem xokkanti, għadu jikber u minn xi drabi ma baqax jagħmel aħbar tant kemm nies spiċċaw jorqdu barra… f’xi ġnien, fuq xi bank, f’binjiet li għadhom fi stat ta’ kostruzzjoni u f’binjiet abbandunati. Din hi realtà li qed ngħixu llum.

Magħhom bosta oħrajn kostretti li jgħixu fil-karozza. F’xi bus shelter jew f’xi venda tal-karozzi. Anki minn dawn, sfortunatament, għandna ftit mhux ħażin. U donnhom li ma jinkwetaw lil ħadd tant li ħadd ma jagħti kashom u jindirizza l-problemi li jiffaċċjaw.

Tarġa ‘l fuq hemm għadd akbar ta’ nies li qed jgħixu f’garaxxijiet u f’remissi għaliex id-dħul tagħhom ma jagħmilx tajjeb biex jgħixu ħajja normali f’appartament jew f’dar. Allura, għaliex għolitilhom il-kera, spiċċaw jgħixu f’garaxx. Fil-garaxx fejn kienu jdaħħlu l-karozza sa ftit taż-żmien ilu, issa jidħlu jgħixu huma.

Iva… isajru, jaraw it-televiżjoni, jaħslu ħwejjiġhom… u jorqdu. F’garaxx jew f’remissa. Din il-faxxa ta’ nies qed tiżdied. Filgħodu tarahom joħorġu lebsin deċenti għax-xogħol. Imma r-realtà ta’ ħajjithom hi waħda tassew diffiċli u nkwetanti.

Id-dħul tagħhom ma jlaħħaqx biex jgħixu f’residenza normali. Jekk idaħħlu mal-€1,000 fix-xahar kif jista’ jkun li jħallsu mat-€800 f’kera?

Ikkumplikata aktar hi l-ħajja ta’ dawk li qed jgħixu f’residenzi b’kirjiet għolja iżda biex ilaħħqu qed jidħlu f’numru ta’ ċrieki perikolużi.

Iltqajt ma’ persuni kostretti jidħlu fiċ-ċirku tal-użura biex jippruvaw ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, mal-bżonnijiet tal-ħajja u tal-ulied u mal-kirjiet. Illum għandhom djun dejjem telgħin u litteralment jistqarru li “se jisparaw għal rashom”.

Hemm imbagħad min s’issa komdu jipprostitwixxi lilu nnifsu biex idaħħal il-flus ħalli jkollu minn fejn iħallas il-kera fl-aħħar tax-xahar. Ma hix persuna, tnejn u tlieta li kienu kostretti jidħlu f’din l-istil ta’ ħajja. It-tfal imorru l-iskola u huma jbigħu ġisimhom biex ikollhom flus biżżejjed biex jagħmlu l-kolazzjon għat-tfal għall-iskola, biex iħallsu s-servizz tat-televiżjoni, biex iħallsu l-kontijiet tal-mowbajl, biex jixtru l-mediċini…. biex jippruvaw jgħixu.

Il-faxxa ta’ faqar dejjem tikber hi riflessa wkoll f’familji li jabitaw taħt l-istess saqaf flimkien. Iva, żewġ familji li jiddeċiedu li biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-kera, allura jgħixu fl-istess residenza u jkun hemm partijiet minnha komuni għaż-żewġ familji. Din hi tendenza li dieħla wkoll f’pajjiżna, bħalma hi tendenza li daħlet ukoll u li qed tikber ta’ familji li jispiċċaw jgħixu f’caravan imdaqqas jew inkella f’dik il-kamra ħdejn il-baħar li oriġinarjament kienet maħsuba bħala l-villeġġatura tas-sajf.

Ċifri uffiċjali jgħidu li mad-dsatax fil-mija tal-popolazzi f’pajjiżna jinsabu jgħixu jew direttament fil-faqar jew qegħdin fit-tarf tal-faqar.

Diġà qrajna fil-jiem li għaddew kemm persuni rrikkorrew għall-ikla tal-Milied mogħtija mill-Caritas fil-Kurja; kemm nies imorru jiġbru l-ikel tal-Unjoni Ewropea mogħti lilhom minn żmien għal żmien; u l-Food Bank f’Malta wkoll għandu konkorrenza qawwija għall-ikel.

Is-sinjali kollha jindikaw li minkejja li s-surplus fil-pajjiż qiegħed ikompli jiżdied u minkejja l-ħafna ftaħir mill-Gvern dwar kif qed jiżdied il-Prodott Gross Domestiku, madankollu hu mill-aktar evidenti li l-ġid mhux jitqassam sew fost kulħadd u filwaqt li l-faqar qiegħed ikompli jiżdied, il-faxxa tal-vulnerabbli u tal-batuti qiegħda tkompli tikber u se tkompli tiżdied anki matul din is-sena għaliex il-Gvern qiegħed jonqos bl-aktar mod serju milli jindirizza dawn il-kwistjonijiet serji li l-pajjiż għandu quddiemu.

Tags