Lokali

Sena ta’ ħidma b’risq Soċjetà li Jimpurtaha

It-12-il xahar li għaddew kienu mill-aktar impenjattivi għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia … 12-il xahar karatterizzatti mill-messaġġ qawwi u kontinwu b’risq Soċjetà li Jimpurtaha u li sar it-timbru politiku tiegħu minn kemm ilu li ġie elett kap tal-Partit Nazzjonalista fl-unika elezzjoni li fiha vvutaw it-tesserati kollha tal-Partit.

Għal Adrian Delia, l-2018 kienet waħda ta’ ħidma kontinwa fuq diveri binarji. Bħala Kap tal-Oppożizzjoni, hu assigura inizjattivi kontinwi fuq livell Parlamentari biex jiġġieled il-korruzzjoni bla kundizzjoni u jwassal il-vuċi ta’ dawk bla vuċi, tal-vulnerabbli u ta’ dawk dgħajfa. Iżda wkoll biex jissalvagwardja b’kull mod possibbli l-interessi tal-poplu Malti kontra min ried jisirqu u jeħodlu dak li hu tiegħu bi dritt.

Barra minhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista mar lil hinn minn ħidmietu fil-Parlament u meta kien hemm bżonn mar ukoll quddiem il-Qrati biex, f’isem il-poplu Malti, jiġġieled ħalli s-Saltna tad-Dritt ma tkun mittiefsa minn ħadd.

Bħala Kap tal-Partit, it-12-il xahar li għaddew kienu xhur mill-aktar importanti għal Adrian Delia, li wettaq ħidma qawwija mhux biss biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jibda jikber u jissaħħaħ, iżda anke biex ikollu d-Dar tiegħu miftuħa għal kulħadd.

Kienu 12-il xahar li matulhom Adrian Delia ħadem fis-skiet u mingħajr daqq ta’ ħafna trombi biex tassew ikun viċin il-poplu Malti u Għawdxi u biex jassigura wkoll li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsib l-għeruq tiegħu.

Dan wassal biex f’dawn ix-xhur, Adrian Delia kompla jidħol fil-qlub tal-Maltin u Għawdxin, li fih qed ikomplu jaraw raġel ġenwin u Kap denju għall-Partit Nazzjonalista, li qed ikompli jissaħħaħ biex isir tassew alternattiva denja għall-Gvern preżenti.

Hu għalhekk li kollox qed jindika li fit-12-il xahar li ġejjin, Adrian Delia se jkompli għaddej bil-ħidma tiegħu, f’sena mill-aktar impenjattiva. Dan hekk kif f’Mejju li ġej, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jikkontesta għall-elezzjonijiet tal-Membri Parlamentari Ewropej u għall-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta u Għawdex.

Bħala Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia assigura li jitkellem biex tassew u bl-aktar mod effettiv ikun il-vuċi favur Soċjetà li Jimpurtaha u kontra l-korruzzjoni.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista, immexxija minn Adrian Delia ressqet ukoll għadd ta’ Liġijiet u inizjattivi fil-Parlament Malti u f’dak Ewropew biex titħares il-libertà tal-ġurnalisti investigattivi minn kawżi li sarulhom barra l-pajjiż minn kumpaniji korrotti.

Fid-dawl ta’ dan kollu, lejn tmiem is-sena li għaddiet, kien hemm attakki qawwija kontra Adrian Delia, kemm fil-konfront tiegħu personali kif ukoll fil-konfront tal-familja tiegħu.

Iffaċċjat minn dawn l-attakki feroċi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, b’messaġġ qasir fuq il-media soċjali, qal li kampanja feroċi kontra tiegħu u kontra l-familja tiegħu jwasslu biss biex hu jkompli jkun aktar determinat u jaħdem bla heda.

Dan il-messaġġ wassal għal mewġa kbira ta’ appoġġ fil-konfront tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, tant li fil-jiem li għaddew kienu eluf dawk li esprimewlu l-appoġġ tagħhom fuq il-media soċjali.