Basketball Sport

Starlites jibqgħu mhux megħluba

(Ritratt: Matthew Tabone)
Qabel il-logħbiet ġiet osservata minuta silenzju b'rispett tal-eks referee Emmanuel Mangani li miet matul il-ġimgħa

BUPA Luxol…………. 86 Starlites GIG………… 90

(22-19, 30-24, 18-19, 16-28)

Luxol: C.J. Cordina, K. Jondoric (27), J. Marton (18), L. Caruana Montaldo, J.P. Schembri (4), K. Dimech (10), W. Alhberg (17), F. Sekutric (2), S. Capello (8)

Starlites: P. Pisani, N. Formosa (5), R. Bonnici (2), C. Ward (22), M. Falzon, A. Felice Pace (4), R. Carabott, M. Scerri, A. Sears (16), W. Darley (20), J. Stolts (21)

Referees: Z. Dobroseljevic, I. Simac, K. Dworniczak

Starlites kellhom jitħabtu biex kisbu r-raba’ rebħa fil-kampjonat, b’Luxol ikunu minn fuq sa ħames minuti mit-tmiem. Għal Starlites għamel id-debutt l-Amerikan Darley li ħa post Tasparell u kellu wirja pożittiva, l-istess bħal Marton li għamel id-debutt għal Luxol.

Luxol fetħu tajjeb u kisbu l-ewwel ħames punti. Starlites tjiebu u marru erba’ punti minn fuq, sakemm ir-reazzjoni ta’ Luxol wasslet biex marru 19-14 u temmew l-ewwel sessjoni 22-19 fil-vantaġġ.

Luxol baqgħu ftit aħjar mill-avversarji fil-bidu tat-tieni sessjoni u żammew il-vantaġġ żgħir li kellhom, biex saħħew il-vantaġġ għal 13-il punt aktar tard fis-sessjoni. Starlites irnexxielhom inaqqsu d-distakk għal disa’ punti sal-ħin tal-mistrieħ.

Huma ħarġu aktar aggressivi wara l-mistrieħ u għamlu l-iskor 52-52 iżda Luxol reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 10 punt u bdew l-aħħar perjodu tmien punti minn fuq. Kien erba’ minuti mit-tmiem li Starlites bdew ir-rimonta tagħhom b’seba’ punti konsekuttivi biex għamlu l-iskor indaqs 80-80. Kien Darley li b’konklużjoni mill-bogħod ftit sekondi mit-tmiem assigura r-rebħa għal Starlites.

Jaċċertaw mir-rebħa wara l-mistrieħ

BALKAN FUSION……………. 39 GŻIRA ATHLETA……………. 90

(5-28, 16-10, 14-29, 4-23)

Balkan: N. Andrejevic (2), N. Bozovic (7), A. Schembri (2), N. Vasovic (8), S. Todorovic (12), N. Kavaciric (8)

Gżira: P. Schultz (2), L. Stefanovic (7), A. Primic, N. Xuereb (7), M. Gouder (18), K. Thompson (18), V. Pace (13), I. Mitrovic (3), J. Guity (22)

Referees: B. Vassallo, Z. Dobrosljevic, K. Dwornizak

Gżira Athleta ma kellhomx diffikultà biex għelbu lil Balkan Fusion 90-39 li niżlu b’sitt plejers u fit-tielet sessjoni spiċċaw b’ħamsa meta tkeċċa Nikola Vasovic li kien l-aħjar skorer tagħhom. Għal Gżira Athleta għamel id-debutt l-Amerikan Guity.

Il-logħba kellha direzzjoni waħda hekk kif fl-ewwel minuti kienu Gżira Athleta li kisbu 26 punt mingħajr risposta biex mill-ewwel kellhom vantaġġ li bih setgħu jikkontrollaw il-logħba. Balkan Fusion irnexxielhom jiskorjaw l-ewwel ħames punti u temmew is-sessjoni bi 23 punt distakk.

Huma rebħu t-tieni perjodu ta’ għaxar minuti u b’xi mod naqqsu d-distakk għal 38-21. Jekk il-logħba kienet deċiża, Balkan Fusion kellhom tal-anqas l-għan li jagħmlu l-iskor rispettabbli, iżda fit-tielet sessjoni, Vasovic li sa dak il-ħin kien l-aqwa skorer tat-tim tiegħu, tkeċċa għal fawl tekniku u anti-sportiv wara li għadda rimarki lejn ir-referee.

Balkan Fusion forsi ppretendew li fis-sitwazzjoni li kienu r-referee seta’ ħalla kollox għaddej. Minn hemm Athleta reġgħu bdew jiddominaw u bdew l-aħħar għaxar minuti 67-35. Biex l-affarijiet ikomplu sejrin ħażin għal Balkan Fusion, huma spiċċaw jilagħbu b’erba’ plejers meta Andrejevic ma spiċċax il-logħba minħabba li kien ma jiflaħx.