Internazzjonali

Stati Uniti: It-taħditiet ikomplu fost l-istaġnar tal-Gvern federali

L-US Capitol f'Washington.

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li, f’dawn is-sigħat, se jkomplu t-taħditiet lejn it-tmiem tax-shutdown parzjali tal-Gvern federali, meta din is-sitwazzjoni ta’ staġnar dieħla fit-tielet ġimgħa tagħha.

Trump, permezz ta’ messaġġ fuq Twitter, qal li ‘ma sarx wisq progress’ fl-aħħar taħditiet mar-rappreżentanti tal-Partit Demokratiku. Dan waqt li s-Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Nancy Pelosi, qalet li l-partit tagħha għandu jintroduċi l-abbozzi ta’ approprjazzjoni bħala tentattiv biex jinfetħu mill-ġdid ċerti aġenziji.

Fis-sitwazzjoni preżenti, madwar 800,000 ħaddiem federali ilhom mingħajr paga mit-22 ta’ Diċembru.

Dan meta l-President Trump qed jirrifjuta li jiffinanzja bis-sħiħ lill-Gvern sakemm jingħata l-garanziji għall-ekwivalenti ta’ madwar 4.8 biljun ewro għall-bini ta’ ħajt mal-fruntiera tal-Istati Uniti mal-Messiku.

Intant, ftit hemm ottimiżmu dwar xi żblokk, meta l-ebda naħa ma tidher lesta li ċċedi pulzier. Fil-fatt, Trump sostna li hu lest biex l-istaġnar parzjali jdum għaddej ‘għal xhur jew snin’ meta jħossu konvint li minn dak li qed jitlob ‘għall-ġid u s-sigurtà ta’ pajjiżu’.