Lokali

Tintemm il-miġja tat-tliet Slaten Maġi

It-tliet Slaten Maġi waslu Għajnsielem il-Ħadd filgħodu, fil-Festa tal-Epifanija. Huma waslu f’Betlehem f’Għajnsielem wara jiem ta’ vjaġġi minn Tel Aviv, f’Iżrael. Kulma jmur, din l-attività qed tikber u ġġib magħha wkoll fama internazzjonali.

Appena waslu f’pajjiżna, it-tliet Slaten Maġi żaru u għaddew minn bosta lokalitajiet, fost l-oħrajn minn Birkirkara, Ħal Qormi u l-Mellieħa qabel qasmu l-fliegu. Hemm, huma ntlaqgħu quddiem il-Knisja Parokkjali ddedikata lil Marija Bambina mill-komunità Mellieħija. Sar xi talb u anke r-rakkont mill-ġdid ta’ din il-miġja, li seħħet aktar minn elfejn sena ilu.

Iżda l-miġja tal-Maġi qajmet ukoll xi ftit tal-kontroverzja, hekk kif din is-sena, dan il-vjaġġ qisu ġie mtappan minħabba li dawn qed jilbsu kostumi u jfakkru fil-ġrajja ta’ Ġesù Bambin meta hemm għexieren ta’ immigranti bejn sema u ilma li qed jitħallew jitqabdu għal ħajjithom.

Sadanittant, il-wasla tat-tliet Slaten Maġi f’Malta u l-adorazzjoni tal-Bambin Ġesù l-Ħadd tagħlaq is-separju ta’ Betlehem f’Għajnsielem. Din is-sena ħadu sehem aktar minn 150 attur u għal sena oħra ġibdet lejn Għajnsielem folol ta’ Maltin, Għawdxin u anke turisti.