Lokali

Tkompli l-botta u risposta bejn Malta u l-Italja fost l-appell tal-Papa Franġisku

Appell mill-Papa Franġisku għas-solidarjetà mal-immigranti li jinsabu bejn sema u ilma ftit 'il bogħod minn pajjiżna hekk kif tkompli l-botta u risposta bejn Malta u l-Italja

Appell imqanqal wara l-Anġelus, fil-Festa tal-Epifanija, mill-Papa Franġisku, hekk kif ħeġġeġ lill-awtoritajiet Ewropej biex juru solidarjetà mad-49 persuna li jinsabu bejn sema u ilma jistennew li jidħlu f’port sigur.

Diversi jiem wara li 49 persuna ġew salvati fil-Baħar Mediterran u baqgħu jinżammu abbord żewġ bastimenti ta’ għaqdiet mhux governattivi, fi tfittxija ta’ port ta’ kenn fejn jinżlu, il-Kap tal-Knisja Kattolika għamel appell urġenti għal solidarjetà konkreta lejn dawn in-nies.

Min-naħa tiegħu, dwar dan, il-Prim Ministru Joseph Muscat il-Ħadd filgħodu qal li faċli wieħed jagħmilha tal-“Qaddis tal-Milied” u biex jikkuntenta lil kulħadd, jaċċetta li jdaħħal lil dawn l-immigranti f’Malta. Iżda Frar jasal, u x-xhur l-oħra wkoll, u l-Ewropa dejjem tibqa’ tistenna li Malta tagħmel l-istess f’kull sitwazzjoni.

Sadanittant, fuq Twitter, id-Deputat Prim Ministru Matteo Salvini qal li l-Italja mhux pajjiż li dejjem trid toħroġ is-‘salvauomo’. Qal lil tas-Sea Eye biex jagħmlu li jridu, iżda min m’għandux rispett lejn il-Liġi Taljana mhux se jitħalla jidħol fil-portijiet Taljani.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Taljan l-ieħor, Luigi Di Maio, sostna li l-Italja lesta tilqa’ l-immigranti li jinsabu fl-ibħra Maltin iżda li ma daħlitx f’pajjiżha.

Di Maio qal li Malta għandha tniżżel lin-nisa u t-tfal minnufih minn fuq dawk iż-żewġ vapuri u tibgħathom l-Italja. Qal li l-Italja lesta tagħti lezzjoni ta’ umanità lill-Ewropa kollha.

Fi stqarrija għal dan, il-Gvern Malti sostna li d-dgħajsa mexxiet is-salvataġġ ta’ dawn l-immigranti f’post li kien barra mill-ibħra Maltin. Is-salvataġġ sar eqreb lejn l-Italja milli lejn Malta u filwaqt li l-NGO talbet lill-Italja biex tipprovdi port sigur biex jiżbarkaw l-immigranti salvati, l-Italja rrifjutat li talloka port sigur.

Hu għalhekk li l-bastiment kien imġiegħel ibaħħar aktar ‘il bogħod u li jfittex kenn fl-ibħra territorjali Maltin.

Intant ilbieraħ il-Kap tal-Knisja f’Malta żar il-bastiment Lifeline li jinsab sorġut fil-Port il-Kbir, fejn wassal appell ieħor biex l-Ewropa taġixxi bla iżjed dewmien u ssalva lil ħutna li ilhom jiem sħaħ fuq il-baħar.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna jżur il-bastiment Lifeline