Futbol Sport

Brahim Diaz preżentat uffiċjalment plejer ta’ Real Madrid

(Ritratt: EPA)

Brahim Diaz hu uffiċjalment plejer ta’ Real Madrid hekk kif kien preżentat wara li ngħaqad magħhom mingħand Manchester City għal ftit aktar minn €17-il miljun, ċifra li tista’ titla’ għal kważi €25 miljun. Real Madrid ikkonfermaw l-akkwist ilbieraħ, diversi sigħat wara li Diaz għamel l-eżami mediku. Il-plejer ta’ 19-il sena ffirma kuntratt ta’ sitt snin u nofs.

“Jien ingħaqadt ma’ klabb li kont noħlom li nilgħab miegħu minn meta kont tifel. Ma stajtx nirċievi rigal tal-Milied isbaħ milli nilbes il-flokk ta’ Real Madrid.” Diaz kompla li meta ddeċieda li kien iż-żmien opportun li jħalli lil Manchester City kellu tliet għażliet fuq il-mejda, u t-tlieta li huma kienu jgħidulu li jilgħab ma’ Real Madrid.

“Qatt ma ridt immur x’imkien imeħor, hu impossibbli li tmur ma’ klabb aħjar. Inwiegħed li nagħti l-100% tiegħi mill-ewwel ġurnata u nħallas il-fiduċja li urew fija.” Dawn il-kliem ta’ impenn mingħand Diaz lejn il-klabb il-ġdid intlaqgħu minn ċapċip fil-kamra tal-ġurnalisti.

Interessanti hu l-fatt li teżisti klawsola fil-kuntratt li Manchester City jirċievu 15% minn trasferiment ta’ Diaz fil-futur, iżda huma jirċievu 40% tat-trasferiment jekk dak il-klabb ikun Manchester United. Diaż irrifjuta diversi offerti biex iġedded il-kuntratt ma’ City u kien se jkun bla klabb fis-sajf li ġej.