Atletika Sport

Dillon Cassar u Lisa Maria Bezzina jirbħu t-tellieqa ta’ 10 kilometri f’Buġibba

Ilbieraħ l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Atletika organizzat it-tellieqa ta’ 10 kilometri li bdiet u spiċċat f’Buġibba. Din kienet it-tielet tiġrija tal-kampjonat tal-ġiri fit-toroq għal dan l-istaġun.

It-tellieqa tal-irġiel intrebħet mill-atleta promettenti ta’ Raptorz Dillon Cassar. Hu nqata’ mill-atleta ta’ esperjenza Andrew Grech lejn nofs it-tellieqa u bena l-vantaġġ fl-istadji finali biex rebaħ fi 32 minuta u 32 sekonda. Grech daħal it-tieni fi 32 minuta u 58 sekonda filwaqt li Jean Paul Debono ta’ Żurrieq Wolves li jikkompeti aktar fuq nofs id-distanza, spiċċa t-tielet fi 33 minuta u 27 sekonda.

Fil-kategorija tan-nisa, Lisa Maria Bezzina ta’ Pembroke kisbet it-tielet rebħa tal-kampjonat meta temmet it-tellieqa f’36 minuta u 18-il sekonda li kien l-aħjar ħin personali għaliha. Roberta Schembri ta’ St. Patrick’s AC temmet it-tieni 58 sekonda wara Bezzina, bl-atleta ta’ Starmax Josann Attard Pulis tispiċċa fit-tielet post f’37 minuta u 29 sekonda.

Mellieħa AC rebħu l-avveniment tat-timijiet tal-irġiel segwiti minn Żurrieq Wolves AC b’49 punt. St. Patrick’s AC rebħu s-settur tan-nisa segwiti minn Pembroke AC. It-tellieqa li jmiss tal-kampjonat se ssir fl-4 ta’ Frar f’Ta’ Qali.