Lokali

Din is-sitwazzjoni għandha tissolva bid-diċenza u s-sens komun – Andrew Azzopardi

Id-dekan tal-Fakultà għall-Benesseri Soċjali, Andrew Azzopardi, sejjaħ għas-sens komun u d-diċenza dwar il-każ tad-49 immigrant li ilhom għal dawn l-aħħar 17-il jum bejn sema w ilma ftit ‘il barra minn xtutna.

Huwa insista li lanqas biss għandha tgħaddi mill-kurituri tal-Awtoritajiet konċernati li dawn il-persuni jerġgħu jirritornaw lura fil-Libja – hekk kif iddeskriva din is-sitwazzjoni bħala waħda bla ebda preċedent.

Andrew Azzopardi sostna li s-sitwazzjoni hija waħda prekarja jekk id-diskors li qalet il-kelliema tal-MV Sea-Watch 3 huwa minnu. Dan hekk kif Lindardi saħqet li preżentament fuq il-biċċa tal-baħar hemm id-doppju tal-ammont ta’ persuni li suppost ikun hemm abbord, b’numru minnhom iħossuhom ma jifilħux fuq l-oħrajn.

Id-Dekan tal-Fakultà saħaq li l-Gvern u l-poplu Malti huma magħrufa għall-qlubija u l-ġenerożità tagħhom. Huwa insista li pajjiżna huwa moralment marbuta sabiex nilqgħu lil dawn l-individwi u nużaw il-preżenza diplomatika tagħna fl-Unjoni Ewropea u fin-Nazzjonijiet Uniti sabiex din is-sitwazzjoni tissolva mill-aktar fis possibli.

Huwa insista li permezz ta’ Tweets u stqarrijiet lill-media m’huwa ser jissolva assolutament xejn.