Internazzjonali

Ifalli kolp ta’ Stat fil-Gabon

Grupp ta’ suldati ppruvaw jaħtfu l-poter fil-Gabon hekk kif il-President tal-pajjiż ilu barra mill-pajjiż ix-xhur għall-kura. Imma wara ftit sigħat li s-suldati marru fuq it-televiżjoni jiddikjaraw il-kolp ta’ stat, kelliem tal-Gvern qal li dan kien falla.

Is-sena li għaddiet, il-President Ali Bongo sofra attakk ta’ puplesija u ilu minn Ottubru jin-għata l-kura fil-Marokk. Il-pajjiż ilu mmexxi għal dawn l-aħħar 50 sena mill-familja ta’ Bongo. Hekk kif is-suldati daħlu fil-bini tal-istazzjon nazzjonali f’Libreville, instemgħu xi tiri u wara ftit grupp ta’ uffiċjali qraw messaġġ lill-poplu fejn qalu li riedu li fil-Gabon jerġa’ jkun hemm id-demokrazija u biex il-poplu jqum u jappoġġjahom.

Iżda wara ftit sigħat, Guy-Bertrand Mapangou, kelliem għall-Gvern, qal li l-kolp ta’ stat kien falla u s-sitwazzjoni kienet taħt kontroll. Huwa qal li mill-ħames uffiċjali li daħlu fl-istazzjoni, erba’ kienu arrestati u wieħed kien maħrub.

Mapangou qal li minħabba dak li ġara, fil-ġranet li ġejjin fil-kapitali kien se jkun hemm preżenza qawwija ta’ truppi. F’xi żoni tal-kapitali kien hemm rapporti ta’ inċidenti vjolenti hekk kif xi żgħażagħ imb-lukkaw it-toroq u l-forzi tas-sigurtà sparaw il-gass tad-dmugħ biex iferrxuhom.