Lokali

Il-fundatriċi ta’ Occupy Justice tirriżenja wara l-istorja li qed jiġu investigati

Il-grupp kien twaqqaf minn numru ta' nisa immexxija mill-mara ta' Manuel Delia

Wara li l-gazzetta “il-mument” żvelat li l-Kummissarju tal-Għaqdiet tal-Volontarjat, Anthony Abela Medici, qed jinvestiga l-grupp Occupy Justice, dalgħodu ħarġet l-aħbar li l-fundatriċi tal-grupp irriżenjat. Dan ħabbritu hi stess permezz ta’ messaġġ fuq il-media soċjali.

Il-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji qed jinvestiga lil Occupy Justice sabiex jistabbilixxi għaliex għaqda li tgħid li hi volontarja iżda li mhix reġistrata uffiċjalment, qed tiġbor somom kbar ta’ eluf ta’ ewro f’donazzjonijiet u x’qed isir b’dawn il-flus.

Nifhmu li dak li jrid jistabbilixxi l-Kummissarju Abela Medici hu trasparenza fl-operat ta’ din l-għaqda kif ukoll għaliex din mhix tagħmel pubbliċi l-kontijiet tagħha.

Kien fil-jiem li għaddew li xi ħadd li uża l-isem ta’ Erika Mizzi, iċċirkola email li fiha żvelat dettalji sensittivi għall-aħħar mill-qalba ta’ Occupy Justice li titmexxa mill-mara tal-blogger Manuel Delia.

Il-persuna qalet li hi eks attivista ta’ Occupy Justice.

Issa fi żvilupp ieħor, dalgħodu l-mara ta’ Manuel Delia ħabbret li rriżenjat.