Il-Kroat Kristijan Curavić, involut fl-iskema ta’ White Flag għal għadd ta’ bajjiet f’pajjiżna, qed jiffaċċja akkużi mill-awtoritajiet Kroati. Hu qed ikun akkużat li ħoloq invoices foloz, għal proġetti li jammontaw f’miljuni, biex jieħu lura spejjeż fi tmiem proġett li suppost kellu l-appoġġ ta’ diversi stilel ta’ Hollywood, iżda li qatt ma mmaterjalizza.
Is-sit Shift News ikkwota dokumenti ppreżentati fil-Qorti Kroata, li urew kif fit-30 ta’ Ottubru li għadda, l-Avukat Ġenerali fl-Istat Kroat ta’ Rijeka ppreżenta invoice falza li tammonta għal 47,970 Kuna Kroata (6,500 ewro) biex jiġġustifika fondi li kellu jieħu mill-Awtorità tat-Turiżmu tal-belt ta’ Crikvenica għal proġett ambjentali fis-South Pole.
Shift News qal li l-proġett kif irreklamat minn Curavić kien wieħed ambizzjuż. Fl-2008 kellha ssir attività fejn persuni jogħdsu fil-fond biex tinħoloq kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima. Iżda minkejja li din l-attività baqgħet qatt ma nżammet, Curavić xorta kien ġabar il-fondi pubbliċi għalih. U skont il-proposta tal-Kroat, il-proġett kollu kellu jiswa madwar 8 miljun ewro.
Minħabba li Curavić qatt ma mar lejn is-South Pole, l-awtoritajiet lokali talbu li jingħataw flushom lura. Iżda biex jevita li jħallas, Curavić ippreżenta invoice falza, kif irriżulta f’aktar investigazzjonijiet li saru.
F’Malta, il-Kroat kien qed jingħata eluf ta’ ewro biex jara li għadd ta’ bajjiet jingħataw il-White Flag. Madankollu, fi ftit ġimgħat, il-bajjiet kienu jispiċċaw fi stat diżastruż. Irriżulta li għal kull bajja, hu kien qed jitlob 25,000 u b’kollox ġabar madwar 175,000 ewro.
Mistoqsi direttament dwar dan, il-Ministru tal-Ambjent Jose’ Herrera ammeta li kien avviċinat mill-NGO White Flag International, għalkemm ma kkonfermax jekk kienx jaf lil Curavić u l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu. Fil-fatt, il-Ministru Herrera kien ammetta li ma saret l-ebda ‘due dilligence’, għalkemm iddikjara li l-Kroat ma kienx se jitħallas mill-Ministeru.
//= $special ?>