Lokali

“Il-Kunsill unanimu kontra r-reklamazzjoni tal-art fix-Xgħajra” – Is-Sindku

“Aħna ma ġejniex konsultati”

Hekk beda l-kumment tiegħu Anthony Valvo, Sindku tal-Lokalità tax-Xgħajra meta mistoqsi dwar il-kwetsjoni tar-reklamazzjoni tal-art fix-Xatt tal-istess lokalità.

Ftit tal-Ġimgħat ilu ħareġ rapport li identifika x-Xatt tax-Xgħajra bħala wieħed mill-postijiet ideali biex issir ir-reklamazzjoni tal-art. Rapport li nkwieta mhux ftit lix-Xgħajrin u li wassal sabiex xi residenti jibdew petizzjoni fejn qed jinġabru firem sabiex fiż-żona ma jsirx żvilupp ta’ dan it-tip.

Is-Sindku tax-Xgħajra f’kummenti li ta lil Net News kien kategoriku dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill. Hu qal li l-Kunsill kollu huwa kompletament kontra dan l-iżvilupp.

Valvo qal li minkejja li wieħed għad irid jara x’fih eżatt ir-rapport, il-kunsill jibqa’ dejjem kontra dan l-iżvilupp, iktar w’iktar meta wieħed iqis iċ-ċokon tax-Xatt tax-Xgħajra

Ix-Sindku saħaq dwar id-diżappunt kbir tiegħu li l-awtoritajiet fl-ebda ħin ma kkonsultaw mal-kunsill u li konsegwentement anke r-residenti tal-lokal tħallew fl-għama dwar dak li qed jiġi ppjanat għal lokal tagħhom.
Hu kompla jgħid li minkejja l’għama li tħalla fiha l-kunsill, il-qasba ma ċċaqqċaqx għalxejn.

Anthony Valvo temm jgħid li qed jistenna li jingħata appuntament sabiex ikun jista jingħata aċċess għal dan ir-rapport li s’issa la l-kunsill u wisq inqas ir-residenti għadhom ma jafu x’fih eżatt.

Il-petizzjoni mibdija fi tmiem il-ġimgħa, u li għada għaddejja onlajn issa laħħqet it-800 firma.

Intant kien hemm rapporti li indikaw li l-proġett tar-reklamazzjoni tal-art mhu xejn għajr attentat iddisprat tal-Gvern biex isolvi l-problema enormi ta’ skart tal-kostruzzjoni hekk kif issa qed ittih rasu għax ma fadalx aktar fejn jista jiddisponi minnu.