Lokali Qorti

Jibda ġuri ta’ żagħżugħ akkużat li stupra lil kuġintu

It-tfajla ta’ 14-il sena kienet irrappurtat diversi inċidenti ta’ abbuż sesswali minn kuġin tagħha għal seba’ snin sħaħ fir-residenza tan-nanna tal-akkużat u l-vittma fil-Marsa

Żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Marsa beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera akkużat li stupra lil kuġintu meta kellha 10 snin fil-“washroom” ta’ nanniethom. Minbarra akkuża ta’ stupru, l-akkużat li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti, u dan ukoll biex tiġi protetta l-minuri, jinsab mixli wkoll li pparteċipa f’attivitajiet sesswali u kkorrompa wkoll lill-istess kuġina tiegħu.

Dan huwa l-ewwel ġuri li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ġuri li qed isir mingħajr il-preżenza tal-ġurati. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri li qed jidhru għall-akkużat qed jikkontendu li l-klijent tagħhom dejjem kien konsistenti fl-istqarrijiet li ta lill-Pulizija bil-Prosekuzzjoni tgħid ukoll li l-vittma kienet ilha tiġi abbużata minn kuġinha minn l-eta’ tenera tagħha ta’ seba’ snin sa 14-il sena.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukat Nadia Attard, f’isem l-Avukat Ġenerali qed tgħid li fis-17 ta’ Novembru tas-sena 2017, il-Pulizija kienet ġiet avviċinata minn skola sekondarja, fejn kien ingħad li tfajla ta’ 14-il sena kienet irrappurtat diversi inċidenti ta’ abbuż sesswali minn kuġin tagħha għal seba’ snin sħaħ fir-residenza tan-nanna tal-akkużat u l-vittma fil-Marsa. Dawn l-abbużi kienu qegħdin isiru bejn wieħed u ieħor, darba fil-ġimgħa.

Skont il-Prosekuzzjoni, li stupru seħħ meta t-tifla kellha 10 snin. Dan inhar hija kienet talbet lil kuġinuha biex jieqaf għax kienet qed tħossha, skomda, u fil-fatt l-att kien waqaf, iżda l-penetrazzjoni kienet seħħet.

L-akkużat qed jgħid li dak li kien rrappurtat minnu kuġintu mhuwiex minnu, u wara li għall-ewwel ma riedx avukat biex jiddeffendih, biddel fehmtu ma sar jaf li kienet kuġintu li kienet qed tagħmel dawn l-akkużi. L-akkuża ta’ stupru ġġorr piena ta’ bejn sitt snin u 40 sena ħabs.

F’dan il-ġuri l-Ispettur Paula Ciantar, li nvestigat il-każ qalet li kien hemm mumenti fejn dawn l-abbużi kienu waqqfu jseħħu mill-akkużat u li kien hemm okkażjoni fejn kienet il-vittma li ttantat lill-akkużat għal fini sesswali, xi ħaġa li hija baqgħet dispjaċuta ħafna dwaru.

Ix-xhud qalet li fost l-ewwel okkażjonijiet li bdew isiru r-reati sesswali t-tifla ma kienet taf xejn dwar is-sess u dan ukoll għax il-familja ma kienitx titkellem fuq dawn l-affarijiet quddiem it-tifla. Fuq mistoqsija tad-difiża l-Ispettur Ciantar qalet li l-vittma wkoll ikkonfermat magħha li ma kienitx taf xi jfissru dawn l-affarijiet.

Ħareġ ukoll li darba minnhom l-akkużat għamel avvanzi sesswali meta l-vittma kienet fis-sodda ma’ twins li jiġu minnha. L-Ispettur Ciantar qalet ukoll li l-familja tal-vittma qatt ma semgħet u osservat l-avvanzi li kienu qegħdin isiru u t-tifla dejjem stħat tgħid lill-ġenituri tagħha dwar x’kien qed jiġri. It-tifla kienet iżda tkellmet ma żewġ ħbieb tagħha tal-iskola dwar dak li kien qed jiġri.
Ħareġ ukoll li t-tifla qatt ma kienet sforzata tagħmel atti żienja mill-akkużat u li huwa qatt ma kien vjolenti fil-konfront tagħha. Xehdet ukoll is-Surġent Claire Casha li qalet li fis-17 ta’ Novembru, 2017 hija flimkien ma’ l-Ispettur Ciantar kienet marru biex jarrestaw lill-akkużat.

Lil dan kienu qalulu li kienu se jieħduh id-Depot għal aktar stħarriġ fuq dak li kien allegament wettaq, imma ma kienux qalulu min kienet il-vittma, biex ma jinkwetawx lill-membri tal-familja.
Hija qalet li kienu qalulu min hin l-vittma, fil-karozza tal-Pulizija, meta kienu sejrin fi triqithom lejn id-Depot, u li dan filwaqt li ċaħad mill-ewwel, issa bil-kontra ta’ ftit minuti qabel beda jistaqsi għal avukat.

Wara xehed il-Kuntistabbli Gaffarena li qal li lill-akkużat ġie mgħarraf li l-vittma kienet kuġintu, meta huwa staqsa għal din l-informazzjoni. Dan il-kumment urta lid-difiża li hawn l-affarijiet ma mxewx sew u l-Qorti kienet mitluba tiċċara l-affarijiet. Il-Qorti wara għamlet il-mistoqsijiet tagħha lix-xhud u rrimmarkat ukoll li wara nofs inhar riedet tagħmel aċċess fuq il-post fejn saru l-allegati abbużi.