Diversi opinjonisti ewlenin f’pajjiżna kitbu fil-gazzetti tal-Ħadd u separatament ikkundannaw l-attakki fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-familja tiegħu.
Waqt li l-attakki personali fuq il-Kap Nazzjonalista bdew lejlet il-Milied u baqgħu għaddejjin sal-Ħadd stess, Adrian Delia għamilha ċara li se jibqa’ jikkritika lill-Gvern fejn hu ċar li qed jimxi ħażin, filwaqt li jiddefendi l-privatezza tal-familja tiegħu.
F’The Sunday Times of Malta, taw il-kummenti tagħhom opinjonisti magħrufa u esperti politiċi.
Lawrence Grech, li kien Editur ta’ din il-gazzetta għal għexieren ta’ snin, qal li mexxej politiku m’għandux jirriżenja fuq allegazzjonijiet mingħajr evidenza. Sostna li tul is-snin saru ħafna allegazzjonijiet kontra politiċi li wara ma rriżultawx veritieri. B’hekk qal li “ma jemminx li Adrian Delia għandu jirriżenja fuq stejjer bla bażi”.
Min-naħa tiegħu, il-Professur Domenic Fenech, li hu wkoll id-Dekan tal-Fakultà tal-Arti fl-Universita ta’ Malta, ukoll ikkundanna l-attakki fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni u qal li m’għandux jirriżenja fuq kwestjonijiet familjari. Semma’ lill-eks Prim Ministru u eks Kap Nazzjonalista Ġorġ Borg Olivier, li rnexxielu jibqa’ għaddej bix-xogħol politiku bħala Kap meta kellu nkwiet familjari.
Min-naħa tiegħu, il-Lecturer fid-Dipartiment tal-Public Policy George Vidal Zammit ukoll sostna li l-Kap Nazzjonalista m’għandux jikkonsidra li jirriżenja għax il-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni ġġorr magħha responsabbilta lejn il-pajjiż. U bħala l-akbar partit fl-Oppożizzjoni, Adrian Delia għandu obbligu li jibqa’ jikkritika lill-Gvern bħala Kap tal-Oppożizzjoni effettiv.
F’The Sunday Times kitbu dwar dan ukoll l-Opinjonisti Claire Bonello u Michela Spiteri. Claire Bonello qalet li hu ċar li teżisti kampanja maħmuġa kontra Adrian Delia, bi strateġija ta’ attakki kontinwi – dawk li sejħet ‘drip-drip-campaign’. F’każ li dawn ikunu ġejjin minn ġewwa, dan se jwassal biex iżjed nies jitbgħedu mill-Partit Nazzjonalista, twissi Claire Bonello.
U l-Opinjonista Michela Spiteri qalet li fil-każ ta’ politiċi oħra li kellhom problemi matrimonjali, id-dettalji baqgħu privati, iżda mhux l-istess ġara fil-każ ta’ Adrian Delia. Qalet li dawn l-allegazzjonjiet m’għandhomx jiskattaw riżenja mingħajr ma tkun il-Qorti li tistabbilixxi l-fatti.
Sadanittant, f’MaltaToday kitbet ukoll l-Opinjonista Josanne Cassar, li kkundannat l-attakki fuq il-familja ta’ Adrian Delia. Hi qalet li s-sentiment ġenerali fost in-nies hu wieħed kontra li kwestjonijiet privati jintużaw b’dan il-mod, għal gwadann politiku. Temmet li quddiem dan kollu, jista’ jissaħħaħ biss il-Gvern ta’ Joseph Muscat.
U fl-istess gazzetta kiteb ukoll l-eks Ministru Nazzjonalista u Opinjonista Michael Falzon, li sostna li l-attakki fuq Adrian Delia ġejjin minn persuni li malli raw Kap ġdid fil-Partit Nazzjonalista tħarbtulhom il-pjani tagħhom.
//= $special ?>