Formula 1 Sport

Mattia Binotto se jieħu post Maurizio Arrivabene bħala Prinċipal tat-Tim ta’ Ferrari

Mattia Binotto se jieħu post Maurizio Arrivabene (xellug)

Ferrari huma mistennija li jibdlu lill-kap tal-Formula 1 Maurizio Arrivabene biex minfloku jinħatar il-Kap tat-tim Tekniku Mattia Binotto, wara li t-tim naqas li jirbaħ xi titlu s-sena l-oħra. Din l-aħbar jidher li ġiet antiċipata minn Gazzetta dello Sport li ħarġet l-aħbar ilbieraħ.

L-istaġun li għadda, Ferrari rebħu sitt itlielaq minn 21 tellieqa iżda l-isfida tagħhom għat-titlu bdiet tonqos sakemm intemmet fit-tieni nofs tal-istaġun, hekk kif Mercedes rebħu t-titlu tas-sewwieqa għall-ħames sena konsekuttiva.

It-tmexxija ta’ Arrivabene dehret inċerta għal xi żmienm b’rapporti li jmorru lura f’Ottubru tas-sena l-oħra jgħidu li Binotto jista’ jieħu post it-Taljan. Il-pressjoni fuq Arrivabene żdiedet wara l-aħħar żbalji strateġiċi ta’ Ferrari, b’rapporti jgħidu li l-kuntratt ma kienx imġedded.

Il-mewt tal-eks chairman Sergio Marchionne f’Lulju li għadda, wasslet għal bidla fit-tmexxija ta’ Ferrari, b’Louis Camilleri jieħu t-tmexxija bħala Kap Eżekuttiv filwaqt li John Elkann li ġej mill-familja Agnelli, inħatar chairman. Binotto ilu ma’ Ferrari għal diversi snin u tela’ l-gradi tal-kumpanija minn Direttur Tekniku fejn osserva qabża kbira fil-prestazzjoni tal-magna tagħhom.

Is-sewwieqa ta’ Ferrari għal dan l-istaġun huma l-erba’ darbiet rebbieħ Sebastian Vettel u Charles Leclerc li ħa post Kimi Raikkonen. Inċidentalment, Raikkonen hu l-aħħar rebbieħ ta’ kampjonat riċenti ma’ Ferrari fl-2007.

Tags