L-eks Mexxej Laburista u llum il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, kien ordnat iħallas 2,000 ewro f’danni lill-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech għal malafama li kien qal fil-konfront tal-eks Ministru Nazzjonalista.
Ftit jiem qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2008, l-eks Mexxej Laburista – dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni – kien qal f’intervista ma’ The Sunday Times of Malta li Francis Zammit Dimech – dak iż-żmien Ministru tat-Turiżmu – kien irċieva tixħim li ntuża’ għall-kampanja elettotarali tiegħu.
Fl-intervista, bit-titlu “The only way is us”, hu kien mistoqsi fost l-oħrajn għall-provi li kellu dwar dawk l-allegazzjonijiet, b’Sant kien qal li dan hu każ magħruf mill-poplu.
Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, l-ex Mexxej Laburista qal li l-kummenti tiegħu seta’ jagħmilhom għax kienu “fair comments” li ntqalu qabel l-elezzjoni u fl-interess tal-pubbliku.
Iżda l-Qorti tal-Maġistrati ma qablitx ma’ Sant għax qalet li biex kummenti bħal dawn ikunu “fair”, iridu jiġu sostanzjati u veritieri. Min-naħa l-oħra, hu biss f’każijiet meta l-kummenti ikunu bbażati fuq il-verità, li dawn jitqiesu fl-interess tal-poplu.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal li ma kienx qed jitkellem fuq provi, iżda fuq affarijiet li kulħadd kien jaf dwarhom, bil-Qorti ssostni li kummenti bħal dawn m’huma provi xejn.
Dwar l-iskuża li l-allegazzjonijiet saru qabel elezzjoni ġenerali, il-Qorti qalet li jsiru meta jsiru, il-fatt li dawn ma jkunux minnhom jikkawżaw ħsara u huma libellużi.
//= $special ?>