Il-Ġirbin se jerġa’ jkollhom koppla kif tixraq il-Knisja Arċipretali ddedikata lil San Lawrenz.
Il-knisja tal-Birgu, li nbniet madwar 300 sena ilu kienet soffriet danni waqt it-tieni gwerra dinjija, fejn fost l-oħrajn kienet iġġarrfet il-koppla.
Permezz ta’ fondi magħrufa bħala War Damage Funds mogħtija mill-Gvernatur Ingliż, din il-koppla reġgħet inbniet wara l-gwerra iżda sal-lum baqgħet fuq il-ġebla,
Il-koppla oriġinali tal-Knisja kellha pittura tal-artista Carlo Ignazio Cortis. Il-pittura kienet tirrappreżenta xena tal-assedju l-kbir, b’La Valletta jidher ixejjer il-bandiera f’sinjal tar-rebħa tal-Maltin, bit-taqbida bejn it-Torok u l-Mal;tin u b’San Lawrenz għarkupptejh quddiem il-Madonna.
L-artista Għawdxi Manuel Farrugia illum iffirma ftehim mal-Arċipriet tal-Birgu Dun Karm Busuttil sabiex ipitter din il-koppla u jirripproduċi xena simili għal dik oriġinali.
L-artist issa jrid jippreżenta l-abbozz tal-pittura li se jkun qed ipitter fuq il-koppla li mbagħad tiġi ppreżentata lill-Kurja għall-approvazzjoni.
Ix-xogħol mistenni jkun lest fi żmien sentejn.
//= $special ?>