Futbol Sport

Timothy Weah jingħaqad ma’ Celtic b’self sa tmiem l-istaġun

L-attakkant Timothy Weah ingħaqad ma’ Celtic mingħand Paris Saint-Germain b’self għal sitt xhur. Iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena se jingħaqad ma’ sħabu fil-kamp ta’ taħriġ li qed jagħmlu bħalissa Dubai u jista’ jagħmel id-debutt tiegħu fit-Tazza Skoċċiża kontra Airdrieonians fid-19 ta’ Jannar.

“Timothy hu talent żagħżugħ li hu plejer internazzjonali. Hu għandu karriera twila quddiemu iżda għandu l-attribwiti naturali f’termini ta’ pass u teknika,” qal il-kowċ ta’ Celtic Brendan Rodgers.

Weah kien fl-iskwadra ta’ PSG u lagħab magħhom fil-pre-season. Rodgers żied li bil-kwalità ta’ plejers li għandhom iċ-champions Franċiżi, kien diffiċli għalih li jilgħab u raw lil Celtic bħala possibbiltà tajba. “Hu għandu kwalitajiet tekniċi tajbin u tattikament dejjem qed itejjeb il-logħba. Fiżikament hu tajjeb ħafna, veloċi u b’saħħtu. Se jżid il-kompetizzjoni fl-iskwadra.”

Weah lagħab biss tliet darbiet ma’ PSG f’dan l-istaġun hekk kif kien magħluq fl-attakk minn plejers bħal Neymar, Kylian Mbappe u Edinson Cavani. Minn meta għamel id-debutt internazzjonali tiegħu f’Marzu li għadda, Weah lagħab aktar mal-Istati Uniti milli ma’ PSG li sa issa ddominaw il-Ligue 1 bi 15-il rebħa minn 17-il logħba.

Weah hu t-tifel tal-eks attakkant tal-Liberja, PSG u Milan George Weah li fl-1995 rebaħ il-Ballun tad-Deheb. Timothy Weah sar ir-raba’ l-iżgħar plejer tal-Istati Uniti li skorja gowl meta sab ix-xibka fir-rebħa ta’ 3-0 kontra l-Bolivja f’Mejju li għadda.