Lokali Saħħa

Tinfetaħ Klinika għall-ħtiġijiet tal-ġeneru, li kienet proposta tal-Partit Nazzjonalista

Fl-aħħar xhur, twettqet proposta elettorali li l-Partit Nazzjonalista wkoll għamel qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet … il-proposta 198 tal-Programm Elettorali bit-tema “Jien Nagħżel Malta”, li fost l-oħrajn kienet tgħid “Nistabbilixxu Klinika fid-Dipartiment tas-Saħħa Nazzjonali għall-ħtiġiet tal-ġeneru, bin-nies imħarrġa meħtieġa …”.

Fil-fatt, konsultazzjoni pubblika li l-Gvern għamel fl-aħħar xhur wasslet biex fl-Imtarfa nfetħet Klinika għall-ħtiġijiet tal-ġeneru. Dan bħala parti mill-Programm Nazzjonali għall-Kura tas-Saħħa tal-persuni Transgender.

Quddiem il-Klinika, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne irringrazzja lil dawk kollha li kienu nvoluti fil-Bord ta’ Konsultazzjoni u li grazzi għall-ħidma tagħhom, jista’ jingħata servizz tal-ogħla livell lil persuni transgender, li rrikonoxxa li jkollhom ħtiġijiet mediċi differnti min oħrajn.

Fil-Bord Konsultattiv, il-Partit Nazzjonalista kien rappreżentat minn Alex Mangion, f’isem il-Forum Opportunitajiet Indaqs, li ma’ NET News spjega l-impenn tiegħu u tal-Partit biex persuni transgender ikunu jistgħu jingħataw din it-tip ta’ għajnuna wkoll.

Fil-fatt, il-Klinika għall-ħtiġijiet tal-ġeneru toffri pariri u servizzi diversi minn Professjonisti multi-dixxiplinarji, fejn hu stmat li s’issa hemm 30 persuna li qed jieħdu xi tip ta’ servizz.

Fost proposti oħrajn li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet kien hemm iż-żieda fl-edukazzjoni fost il-poplu għal aktar kuxjenza dwar dan is-settur.

Fost l-oħrajn b’attivitajiet fl-Iskejjel u postijiet pubbliċi oħra biex tkun promossa d-diversità fl-identità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali fost l-istudenti daqskemm fost l-għalliema.

Il-Partit Nazzjonalista ssuġġerixxa wkoll li fl-Iskejjel ikun hemm għalliema speċjalizzati fl-appoġġ għal persuni LGBTIQ.