Il-leaders tal-Premier League Liverpool kienu eliminati mill-FA Cup meta sfaw megħluba minn Wolves 2-1 fil-Molineux Stadium. Din kienet it-tieni telfa konsekuttiva għal Liverpool fi ftit jiem wara li l-Ħamis li għadda sofrew l-ewwel telfa fil-kampjonat kontra Manchester City.
Għal din il-logħba, il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp għamel disa’ bidliet mill-aħħar logħba, b’James Milner u Dejan Lovren l-uniċi plejers li reġgħu bdew. Inċidentalment, Lovren weġġa’wara ħames minuti u kellu jinbidel.
Wolves fetħu l-iskor fit-38 minuta meta Raul Jimenez ħa vantaġġ minn żball ta’ James Milner u sussegwentament Fabinho f’nofs il-grawnd, bl-attakkant jibqa’ tiela’ waħdu fil-kaxxa mil-lemin u bil-kalma kollha għeleb lil Simon Mignolet.
Liverpool ġabu d-draw fil-51 minuta meta Shaqiri għadda ‘l fuq lejn James Milner li prova jikkonkludi iżda x-xutt kien blokkat parzjalment. Il-ballun spiċċa għand il-Belġjan Divock Origi li b’xutt sabiħ bix-xellug għeleb lil John Ruddy.
Iżda t-tim ta’ Nuno Espirito Santo skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa erba’ minuti wara, b’xutt minn barra l-kaxxa taż-żagħżugħ Portugiż Ruben Neves li ma tax ċans lil Mignolet. Fl-aħħar 20 minuta, Klopp daħħal lil Mohamed Salah biex jipprova jsalva l-logħba iżda t-tentattivi ma kinux suċċess.
//= $special ?>