Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Erbgħin organizzazzjoni injorati minn Joseph Muscat

"Il-ħajja umana hija aktar importanti mill-battibekki"

Il-Prim Ministru Joseph Muscat injora talba ta’ 40 għaqda biex jilqagħhom fl-uffiċċju tiegħu sabiex isiru taħdidiet bil-għan li jinstab żblokk wara 18-il ġurnata ta’ negozjati b’rabta ma’ Sea Watch 3 u Sea Eye.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja, li għaliha kienu preżenti bosta kmamar tal-aħbarijiet internazzjonali, Neil Falzon mill-Fondazzjoni Aditus qal li jinsabu xxukkjati kif 49 raġel, mara u tfal għadhom miżmuma fuq dgħajsa bejn ħajja u mewt ftit ‘il-bogħod minn Malta għal kważi 3 ġimgħat.

Kien għalhekk li l-għaqdiet kollha ngħaqdu quddiem Kastilja biex jieħdu pożizzjoni favur il-ħajja u d-dinjità umana quddiem din is-sitwazzjoni traġika u tal-mistħija. Dan bit-tama li Joseph Muscat jagħtihom widen u jiltaqa’ magħhom sabiex bi djalogu jinstab żblokk għas-sitwazzjoni.

“Il-ħajja umana hija aktar importanti mill-battibekki politiċi.”

Huma qalu li l-Gvern qed jipprova jabdika mir-responsabbiltajiet tiegħu li jsalvaw il-ħajjiet akkost ta’ kollox bl-iskuża li sitwazzjoni bħal din tista’ tippreġudika sitwazzjonijiet simili futuri.

“Id-dmir li nsalvaw il-ħajja mhijiex biss legali imma wkoll dmir morali li qatt ma jista’ jkun sottomess għall-kundizzjonijiet politiċi.”

Għalhekk, l-40 organizzazzjoni appellaw għal soluzzjonijiet konkreti ta’ salvataġġ u rilokazzjoni, li tkun tinvolvi l-pajjiżi kollha Ewropej għaliex sfida Ewropea teħtieġ soluzzjoni Ewropea.