Futbol Sport

Gerardo Martino jinħatar kowċ nazzjonali tal-Messiku

Il-Messiku ħatru lil Gerardo Martino bħala l-kowċ nazzjonali tagħhom biex b’hekk temmew l-esperjenza qasira u bla suċċess ta’ Ricardo Ferretti. Martino li fil-passat mexxa lit-timijiet nazzjonali tal-Paragwaj u l-Arġentina għandu l-mira li jwassal lill-Messikani għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2022 li se ssir fil-Qatar.

“L-esperjenza ma’ klabbs u timijiet nazzjonali tagħtina l-garanzija ta’ tim li jaħdem flimkien, li hi eżattament dak li rridu,” qal il-President tal-Federazzjoni Messikana Yon de Luisa.

Il-Messiku lagħbet f’kull fażi finali tat-Tazza tad-Dinja mill-1994 iżda f’kul edizzjoni kienet eliminata mal-aħħar 16. Martino li għandu 56 sena, kien mexxa lill-Arġentina sal-finali tal-Copa America fl-2015 wara li kien wassal lill-Paragwaj fl-istess finali erba’ snin qabel. Iżda fiż-żewġ okkażjonijiet tilef iż-żewġ finali. Is-sena l-oħra hu rebaħ il-kowċ tal-istaġun fit-tmexxija ta’ Atlanta United fil-Major Soccer League.

L-eks kowċ ta’ Barcelona mistenni li joħroġ aktar il-kwalità fit-tim Messikan li tilef ħamsa mill-aħħar sitt logħbiet ta’ ħbiberija taħt Ferretti. L-ewwel logħbiet ta’ Martino fit-tmexxija jkunu f’Marzu, f’żewġ partiti ta’ ħbiberija f’California kontra ċ-Ċili u l-Paragwaj.

Tags