Internazzjonali

Iċ-Ċina: Tfal midruba minn raġel armat b’martell

Raġel armat b’martell attakka u darab lil talanqas 20 tfal fi skola primarja ta’ Beijing qabel spiċċa arrestat mill-pulizija.

Dan it-tip ta’ azzjoni vjolenti hu rari għall-kapitali Ċiniża, bir-rapporti jgħidu li l-aggressur, eks-ħaddiem tal-iskola, ‘iddeċieda li jisfoga r-rabja li kellu fuq it-tfal’ wara li l-awtoritajiet ikkonċernati ma ġeddewlux il-kuntratt tax-xogħol.

Numru kbir tat-tfal midruba fl-attakk ittieħdu l-isptar b’urġenza, iżda l-kundizzjoni tagħhom kienet imfissra bħals stabbli.

Ir-rapporti preċedenti kienu rreferew għal ‘aggressur b’sikkina’ u kien hemm perjodu ta’ tensjoni kbira sakemm il-pulizija kontrollat is-sitwazzjoni. Numru ta’ ġenituri, sadanittant, huma mħassba dwar l-effetti trawmatiċi li l-attakk jista’ iħalli fuq uliedhom.

L-iskola li jattendu l-vittmi tinsab fid-distrett ta’ Xicheng tal-kapitali, bil-pulizija tad-distrett qegħdin imexxu l-investigazzjonijiet relatati.