Il-fama ħażina li ħa pajjiżna taħt il-gvern ta’ Joseph Muscat fl-aħħar ħames snin qed tagħmel ħsara irreparabbli mhux biss lil Malta iżda wkoll lill-Unjoni Ewropea.
Diversi każi ta’ korruzzjoni, allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’flus li jseħħ minn hawnhekk, kif ukoll l-iskema riskjuża u perikoluża tal-bejgħ tal-passaporti qed iwasslu biex jintefgħu akkużi, kultant mhux realistiċi, fil-konfront ta’ Malta.
Eżempju simili kien artiklu fuq is-sit elettroniku tad-Daily Mail, il-gazzetta popolari Ingliża, l-għada tal-Milied. Dan l-artiklu nkiteb minn ġurnalist stabbilit Ingliż, Peter Oborne, li għal ħafna snin kien il-kummentatur politiku ewlieni tad-Daily Telegraph li hu wkoll xandar u awtur ta’ bosta kotba.
L-artiklu bit-titlu Don’t despair, however bad Brexit gets, it could be worse. Just look at Europe, says Peter Oborne, kellu l-mira li jipprova jippreżenta lill-qarrejja li, tkun xi tkun is-sitwazzjoni tar-Renju Unit wara Brexit f’Marzu li ġej, huma mhux se jkunu f’sitwazzjoni agħar minn dik tal-Unjoni Ewropea li, skont l-istess Oborne, tinsab fi kriżi profonda.
Oborne hu evidentement partitarju kbir ta’ Brexit, u biex jipprova jagħmel il-qalb lill-Ingliżi, dar dawra ma’ sitwazzjonijiet f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bħalissa biex isostni l-punt tiegħu. Semma l-qagħda ekonomika ħażina fi Spanja u l-Italja.
Imbagħad żied: Next let’s look at fraud and corruption. U biex jagħmel dan ipponta l-kanuni tiegħu fuq pajjiżna. Qal li s-sena l-oħra tfaċċa l-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li kienet qed tinvestiga l-korruzzjoni fil-gvern ta’ Malta, inkluż il-bejgħ tal-passaporti tal-Unjoni Ewropea lil persuni shady – jiġifieri b’dell ta’ suspett fuqhom – mill-blokk Sovjetiku.
Oborne żied li ħafna jaħsbu li Malta jirnexxilha tevita sanzjonijiet minn Brussell għaliex l-ogħla persuni fit-tmexxija tal-pajjiż – li hu jsejħilhom kompromessi ħafna – dejjem lesti jbaxxu rashom għal dak li l-Kummissjoni Ewropea tordnalhom.
Minn din is-silta wieħed malajr jirrealizza li l-fama ħażina ta’pajjiżna fil-qasam internazzjonali issa qed tippresta ruħha wkoll biex tkun effettwata l-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea. Qed jattakkaw lill-Unjoni Ewropea billi jużaw il-korruzzjoni f’pajjiżna bħala arma biex ipinġu lill-Unjoni Ewropea bħala xi għaqda ta’ pajjiżi li fihom kollox hu leċitu u jsir mingħajr kontrolli ta’ xejn.
Hu tassew ta’ diżappunt li l-mod ta’ kif qed imexxu l-pajjiż Joseph Muscat u l-partit tiegħu jinġieb bħala raġuni oħra għaliex ir-Renju Unit għandu jitlaq mill-Unjoni Ewropea. Dan hu ta’ insult dirett lejn il-Maltin u l-Għawdxin li fil-maġġoranza kbira tagħhom huma nies onesti u li sa ftit snin ilu kienu jkunu deskritti mill-barranin bħala nies ħabrieka u tal-affari tagħhom.
Din il-fama ħażina għalina u għall-UE, hi riżultat dirett ta’ deċiżjoni li ħa Muscat fl-aħħar snin li jħalli madwaru nies kompromessi b’dak li għamlu u li dwaru llum hu infurmat kulħadd.
//= $special ?>